Aġġornata: Missier u 3 uliedu jinżammu arrestati fuq traffikar ta’ Filippini

Missier u tliet uliedu nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti dwar traffikar ta' persuni mill-Filippini għal Malta.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kienu ilhom jimmoniterjaw lill-akkużati għal xhur sħaħ.
Ħareġ ukolll li fi wħud mill-każi, 12-il Filippin kienu qed jaqsmu kamra waħda. Madanakollu l-avukat Franco Debono li hu wieħed mill-avukati li qed jidhru għall-imputati, qal li l-kamra kienet kbira 220 metru kwadru u għaldaqstant hi daqs dar.
Instema’ wkoll kif il-Filippini ħallsu €5,000 għal kuntratt ta’ impjieg ma’ aġenzija Filippina u meta waslu Malta, il-kuntratt itteħdilhom u kienu mġiegħla jiffirmaw ieħor, inkella jintbagħtu lura.
L-imputati, li għandhom 71, 47, 42 u 34 sena, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-każ ikompli nhar it-Tnejn.