Missier ta’ 3 akkużat li mess żagħżugħa ta’ 15-il sena fuq tal-linja

Christoph Schwaiger

Missier ta’ tlett itfal tressaq taħt arrest il-Qorti u ġie akkużat li mess żagħżugħa ta’ 15-il sena kontra x-xewqa tagħha meta t-tnejn kienu fuq tal-linja.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ta’ 38 sena allegatament ikkommetta att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma. Ir-raġel imwieled Napli, l-Italja joqgħod il-Mellieħa. Hu wieġeb mhux ħati. Ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Jonathan Ransley qal li l-akkużat jista’ jeħel sa seba’ snin ħabs. Spjega li lbieraħ l-akkużat kien bilqiegħda ħdejn il-vittma li kienet fuq in-naħa ta’ ġewwa fuq tal-linja u ma setgħetx toħroġ. Jidher li l-akkużat baqa’ jsegwi ż-żagħżugħa minn Tas-Sliema sal-Mellieħa. Żied jgħid li ma messiex “fl-estremità li wieħed jaf jaħseb.” Spjega li l-vittma ppruvat tneħħi id ir-raġel. Wara l-inċident il-vittma daħlet b’rogħda fuqa fl-Għassa biex tirrapporta x’ġara.

Il-Maġistrat Mifsud saħaq li dan huwa reat serju u li ma tagħmilx differenza jekk ikunx sar fuq mara jew raġel jew xi persuna oħra li ma tidenfika ma ebda ġeneru.

“M’għandekx dritt li tkun fuq tal-linja u tagħmel dawn l-affarijiet. Mela mara oġett?” qal il-Maġistrat li kompla jgħid li n-nisa jistħoqqilhom id-dinjità. Qal li wieħed irid ikun kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu. Spjega li jekk l-akkużat kellu ċertu xewqat kien messu sab xi ħadd tamparu u jmur jieħu drink magħha – u jekk din tgħidlu le jieqaf hemm. “Miegħi mhux ħa jeħlisha bil-ħafif,” saħaq Mifsud.

L-avukat difensur Martin Fenech għamel talba għall-ħelsien mill-arrest. Qal li l-klijent tiegħu kienu ilu sentejn jaħdem Malta u li ġab ruħu sew. Kompla jgħid li wieħed irid jara eżatt x’ġara f’dan il-każ.

L-Ispettur Ransley oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest. Qal li meta kienu qed ikellmu lill-akkużat dan qal li mal-ewwel ċans li jkollu jrid imur lura l-Italja. Ransley qal li għandu dubju kemm l-akkużat ikun lest jiġi lura Malta meta jaf li jista’ jeħel xi seba’ snin ħabs.

Il-Maġistrat ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Saħaq li jrid li kull tfajla fuq tal-linja tħossa sigura u li din tasal fejn ikollha tasal bla problemi ta’ xejn. Qal li l-liġi trid tiġi obduta minn kulħadd – kemm mill-Maltin u anke mill-barranin. Saħaq li l-akkużat irid iwieġeb għal dak li għamel peress li Malta hi pajjiż mibni fuq is-saltna tad-dritt.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna divjett fuq isem il-vittma.