Missier Kattoliku ta’ 4 inqatel għax iddefenda nisa Musulmani

Rick Best, raġel kattoliku ta’ 53 sena u missier ta’ erbat’ itfal inqatel flimkien ma’ raġel ieħor għax iddefenda żewġ nisa Musulmani li kien qed jivjaġġaw fuq ferrovija fl-istat ta’ Oregon fl-Istati Uniti.
Best iddefenda żewġ nisa li kienu konfrontati minn passiġġier ieħor fuq l-istess ferrovija, li beda jgħid kliem dispreġjattiv u offensiv kontra Musulmani u nies oħra. F’anqas minn minuta Best u raġel ieħor sfaw b’għonqm imħanxar u mietu fi ftit minuti fost it-twerżieq u l-paniku tal-passiġġieri kollha li kien hemm fuq il-ferrovija. Raġel ieħor irnexxielu jevita d-daqqiet ta’ sikkina.
L-aggressur, Jeremy Christian ta’ 35 sena kien arrestat mill-pulizija wara li għall-ewwel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post. Il-Pulizija sabu li l-aggressur għandu storja ta’ 15-il sena ta’ aggressjoni u insulti kontra Musulmani u nies ta’ ġilda samra. Lejlet dan l-inċident hu deher iwaddab fliexkun lejn mara sewda fi stazzjoni ieħor tal-ferrovija.
Rick Best ħalla warajh lil martu u erbat’ itfal – tliet subien ta’ 19, 17 u 14-il sena u tifla ta’ 12-il sena. Hu kien għamel 23 sena fl-Armata Amerikan u serva fl-Iraq u l-Afghanistan.
Wara l-inċident l-Arċisqof Alexander Sample ħareġ stqarrija li permezz tagħha pprova jikkalma r-rabja tal-komunita’ tiegħu. Hu appellalhom biex jitolbu għal dawk li mhux qed iħossuhom siguri li joħorġu fit-toroq bil-liberta’ fil-belt tagħhom li fiha hemm jgħixu nies minn diversi kulturi, tradizzjonijiet u reliġjonijiet. Itolbu għal dawk li qalbhom u moħħhom huma magħluqa għall-imħabba t’Alla li jaġixxu b’tant vjolenza u mibegħda.
Mons. Sample esprima gratitudni profonda għal dawn iż-żewġt irġiel li b’kuraġġ ippruvaw jiddefendu żewġ nisa żgħażagħ li ġew insultati u mhedda.
Waqt omelija fiċ-ċimiterju tal-belt li għaliha attendew mijiet ta’ ċittadini, l-Arċisqof qal li dawn iż-żewġt irġiel taq ħajjithom għal min ma setgħax jiddefendi lilu nnifsu u meta għamlu dan imxew fuq il-passi ta’ Kristu.
Il-parroċċa kollha, dedikata lil Kristu Re, hi mobilizzata biex tgħin lill-armla ta’ Best u uliedha. Il-familja għandha fidi kbira u tattendi ‘l quddies kull nhar ta’ Ħadd.