​Missier Jerome jibgħatlu ittra

“Din is-sena hija l-ewwel darba f’għoxrin sena li mhux se tkun preżenti fiżikament ħdejja waqt li nkun qed niċċelebra għeluq snini. Għalkemm jien nemmen li inti qiegħed f’post aħjar fejn ma hemmx tbatija, ikolli nammetti li qatt mhu se ninsa l-uġiegħ li ħassejt meta tlift lilek.”
Hekk kiteb Kenneth, missier Jerome iż-żagħżugħ li seraq qalb il-Maltin u li miet il-ġimgħa li għaddiet. Kif mistenni l-ittra hija emozzjonanti ħafna iżda fl-istess ħin hija mimlija kuraġġ u eżempju ta’ fidi nisranija.
F’post fuq Facebook il-missier kompla jikteb li żgur li Jerome se jibqa’ mfakkar f’qalbu sakemm jerġa' jiltaqa’ miegħu, meta l-ħin tiegħu fuq din id-dinja jintemm. Kenneth qal li huwa privileġġ kbir li l-ġurnata ta’ ġħeluq sninu inzertat biss ġimgħa wara li Jerome mar jiltaqa’ ma’ Kristu peress li dan se jkompli jsaħħaħ ir-rabta ta’ bejniethom.
Fl-ittra, il-missier spjega li kif kien jgħid waqt li kien marid Jerome, hu se jipprova jagħmel l-aħjar li jista’ fis-sitwazzjoni preżenti. Madanakollu, ammetta li l-affarijiet żgur mhux se jibqgħu l-istess.
Stqarr li dejjem kien miegħu fiżikament minn meta twieled, iżda issa jrid jadatta għar-realtà l-ġdida. Żied jgħid li meta’ Ġesù ġie biex isejjaħ lill-ibnu, parti minnu telgħet miegħu.
Missier Jerome temm l-ittra billi qal li ħafna drabi huwa diffiċli biex wieħed jifhem għalfejn jiġru ċertu affarijiet. Huwa wiegħed li se jibqa’ jfakkar il-memorji sbieħ kollha ta’ Jerome tal-aħħar 20 sena sabiex jkun ċert li Jerome jibqa’ qrib ommu u ħuh.

Sadanittant fuq Facebook ħafna urew l-appoġġ għall-inizjattiva li ħabbret Josette, omm Jerome, jiġifieri li tmur l-Albanija biex tgħin lill-familji fqar li jgħixu hemm. Hi qalet li se tagħmel dan biex twassal it-tbissima ta’ binha lill-ħafna familji fqar u tgħinhom biex bħal Jerome jkollhom kuraġġ u qatt ma tonqsilhom it-tama.
Kienu bosta dawk li ddeċidew jgħinu lil Josette wara li għamlet appell biex min jista’, joffri xi affarijiet żgħar.
Fost dawk il-ħafna li kkummentaw, kien hemm min irringrazzja lil Jerome tal-eżempju li kien dejjem jagħti, eżempju li baqa’ jagħtih saħansitra permezz tal-funeral tiegħu.