Missier gravi, iben iweġġa’ ħafif wara li daħlu ġo arblu tad-dawl

Raġel ta’ 42 miż-Żurrieq u tifel ta’ 10 snin ittieħdu l-isptar wara ħabta b’karozza fis-Siġġiewi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-nofsillejl fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi.

Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post, fejn irriżulta li waqt li l-vettura tat-tip Suzuki Ignis kienet qed tinstaq mir-raġel, għal xi raġuni tilfet il-kontrol u daħlet f’arblu tad-dawl. It-tifel kien passiġġier fil-vettura.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu liż-żewġ vittmi li kienu maqbuda fil-vettura. Issejjaħ ukoll tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei.

Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tifel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tadDistrett.