Missier Fra Mudest jiċċelebra 48 sena żwieġ

Charles Casha

Awguri lill-awtur Charles Casha li llum qed jiċċelebra t-48 sena anniversarju ta’ żwieġ ma’ martu Mary née Casingena. Huma għandhom tlett ulied, Stefania, Mark u Kristjana, li hija attriċi li fost oħrajn interpretat lil Ġiżimina fis-sensiela Ġiżelle. Charles u martu Mary huma wkoll nanniet.

Matul is-snin Charles kiteb numru kbir ta’ kotba iżda bla dubju li wieħed mill-ikbar suċċessi tiegħu kien meta fl-1967 ħoloq il-karattru ta’ Fra Mudest. Dawn il-kotba baqgħu popolari sal-lum il-ġurnata, tant li qed jerġgħu jiġu ppublikati.

​Fl-2002, waqt il-Jum tal-Ilsien Malti, il-Kunsill, Għalliema u Studenti fl-Iskola Maria Goretti taw ġieħ lil Charles Casha.

Fl-2007 Charles Casha ngħata Ġieħ il-Marsa mill-Kunsill Lokali tal-Marsa għas-sehem tiegħu fil-letteratura Maltija filwaqt li fl-2013 huwa ngħata wkoll Ġieħ Ħaż-Żabbar mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Charles u lil Mary għal dan il-jum u għal aktar snin ta’ mħabba.