Missier Alfie Evans jiltaqa’ mal-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku lbieraħ filgħodu qabel, ħareġ għall-Udjenza Ġenerali ta’ kull-ġimgħa f’Santa Martha, kellu laqgħa qasira ma’ Tom Evans, missier it-tarbija Alfie li hu marid serjament u li jinsab fiċ-ċentru ta’ battalja bejn il-ġenituri u t-tobba dwar ħajtu.
Tom Evans qal li mar apposta Ruma biex jiltaqa’ mal-Papa fl-udjenza ġenerali, iżda l-Papa kellmu privatament qabel l-udjenza li matulha  semma l-każ ta’ ibnu u ta’ Vincent Lambert li wkoll il-futur tiegħu hu mdendel.
“Nixtieq niġbdilkom l-attenzjoni għal darb’oħra għal Vicent Lambert u ċ-ċkejken Alfie Evans”, qal il-Papa fl-udjenza. “Irrid  insosti u nikkonferma bis-saħħa li l-uniku sid tal-ħajja, mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, hu Alla! U d-dover tagħna hu li nagħmlu minn kollox biex insalvaw il-ħajja”.
Tom Evans irringrazzja lill-Papa li aċċetta li jiltaqa’ miegħu u talbu biex joffri “ażil” lil ibnu għax l-isptarijiet Ingliżi “ma jridux jagħtu ċ-ċans lit-tfal diżabbli li jgħixu, u minflok qed jassistu fil-qtil tat-tfal”.
“Jekk il-Qdusija Tiegħek tgħin lit-tifel tagħna, potenzjalment tkun qed issalva l-futur ta’ ħafna trabi fir-Renju Uniti, partikolarment dawk b’diżabiliità”, qal Evans lill-Papa. “Aħna nitolbu li l-problema li qed niffaċċjaw tkun solvuta paċifikament u b’rispett għax ebda tarbija ma jixirqilha dak li għaddej minnu t-tifel tagħna, partikolarment it-tfal ta’ Alla”.
Min-naħa tiegħu Papa Franġisku qal li s-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan għandu jassigura li “ssir ħidma diplomatika deċiżiva dwar Alfie Evans biex id-dinjità ta’ ħajtu tkun irrispettata”.
Wara din il-laqgħa Evans kiteb fuq Facebook: “Bla rqad, bla ikel, bla ingravata!!! Il-lejl li għadda qbadt ajruplan u wasalt Ruma biex niltaqa’ mal-Papa. U hekk għamilt!”