“Misshom ipprotestaw il-Laburisti”; “Mhux se tindimidawna”

Miguela Xuereb

“It-traġedja hi li l-protesta ma saritx mil-Laburisti”; “Mhux se tindimidawna”; “Kienu se jaħbtu għalina”. Dawn huma biss uħud mir-reazzjonijiet ta’ kull xorta li daru fuq il-mezzi soċjali dwar l-inċident tal-bieraħ filgħaxija quddiem il-Parlament, fejn allegatament ix-xufier tal-Ministru Owen Bonnici saq fuq folla ta’ demostranti. Il-protesta kienet qed issejjaħ għar-riżenja tal-Prim Ministru u uffiċjali oħra tal-Gvern. F’dan l-inċident weġġgħu ħafif żewġ uffiċjali tal-Pulizija.

Il-protesta saret wara l-iżvilupp fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bl-arrest ta’ Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black.

Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

Filmat: Inċidenti bejn ix-xufier tal-Ministru Bonnici u l-attivisti

Minbarra l-kummenti tal-Ministru Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia, li kien miegħu fil-karozza qalb il-folla, ikkummentaw diversi esponenti minn naħa tal-Gvern fosthom Membri Parlamentari, u oħrajn minn naħa tas-soċjetà ċivili.

Kmieni filgħodu l-Ministru għall-Ġustizzja stqarr li l-ħolqien tal-ġid isir fis-serenità u l-kalma, filwaqt li qal li kieku kienet “karozza normali u mhux armata” kienu jweġġgħu.

“Il-ħolqien tal-ġid isir fis-serenità u l-kalma” – Bonnici

Aktar tard Newsbook.com.mt tkellem ma’ Owen Bonnici fil-Furjana:

“Il-vjolenza se niġġieldu għaliha b’aktar xogħol” – Aaron Farrugia

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Farrugia, spjega kif ħarġu mill-Parlament fis-7.20pm u rikbu fil-karozza eskortati minn pulizija. Qal li damu fil-karozza fl-istess post għal madwar 45 minuta u quddiem għajnejh seta’ jara “pulizija jiġu aggrediti jew imweġġa’”. Saħaq li l-vjolenza se jiġġieldu għaliha b’iktar xogħol ta’ fejda għal Malta taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

“It-traġedja li l-protesta ma saritx mil-Laburisti”

L-Eks Kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Norman Vella saħaq li “t-traġedja ta’ dan il-pajjiż hi li l-protesta tal-bieraħ ma saritx mil-Laburisti”.

Fuq il-mezzi soċjali, Norman Vella kkwota kliem il-Ministru Bonnici, li dalgħodu kiteb li l-uċuħ irrabjati, it-tisbit, il-kliem ħażin u x-xuttijiet mal-karozza mhux se jwaqqfuh jaħdem għal pajjiż aħjar. Vella saħaq li dan hu tajjeb u li hekk għandu jkun, u għaldaqstant jifhem li “bħalissa Owen Bonnici qiegħed Kastilja b’wiċċu rrabjat, isabbat fuq l-iskrivaniji waqt li jkellem ħażin u jixxuttja ‘l barra lill-korrotti kriminali li ġabu lil pajjiżna f’din il-kriżi”. Temm jgħid li dan hu tajjeb u li hekk għandu jsir.

“L-unika vittma f’karozza kienet Daphne” – Borg Olivier

L-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier, li kien preżenti meta seħħ l-inċident, dalgħodu kiteb kumment twil fuq il-mezzi soċjali, u qal li kemm Owen Bonnici kif ukoll il-Prim Ministru, dalgħodu qamu jgħidu li mhux se jkunu intimidati minn provokazzjoni.

Filmat: L-arrest mhux minn dettalji li ta s-sensar – PM

Skont Borg Olivier, in-nies quddiem il-Parlament kienu nies ta’ rieda tajba, li qed jissieltu għas-sewwa u għall-ġustizzja. Irrimarka li dawn kienu qed jipprotestaw paċifikament sakemm ġew ipprovokati bl-aktar mod assolut minn Bonnici nnifsu.

Dr Borg Olivier kompla jgħid li Owen Bonnici ilu 25 xahar jipprovoka lil min fis-silenzju jfakkar il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-fjuri u xemgħat quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta. Saħaq li l-aġir ta’ Bonnici huwa assedju psikoloġiku fuq kull min għandu r-rieda li jipprotesta bid-dritt.

Earlier this morning. Thursday 21.11.2019

Posted by Helene Asciak on Thursday, November 21, 2019

Borg Olivier qal li hija provokazzjoni ikbar u premeditata meta ppermetta lix-xufier isuq fuq il-folla. Kompla jispjega li hu kien hemm u li kienu l-Pulizija li b’rabja rażżnu lix-xufier milli jsuq, speċjalment meta saq direttament fuq kuntistabbli mara. “Bonnici m’għandux għalfejn jagħmilha tal-vittma, vittma waħda kien hemm f’karozza – Daphne Caruana Galizia” żied jgħid Borg Olivier.

L-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Kienu lesti jaħbtu għalina” – Edward Zammit Lewis

Minn naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Laburista Edward Zammit Lewis kiteb li lbieraħ ħareġ l-aħħar mill-Parlament u li kellu jissakkar fil-Parlament fejn kien qed jaqdi dmiru għal Malta “minħabba persuni intolleranti u vjolenti li kienu lesti li jaħbtu għalina jew jipprovokawna fosthom MPs tal-Oppożizzjoni”.  Dr Zammit Lewis żied jgħid li l-provokazzjonijiet ma huma aċċettabbli qatt u li dawn l-avvenimenti jsaħħuħ fir-rieda tiegħu li jkompli jaħdem għal Malta b’serenità u b’appoġġ sħiħ lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat.

“Mhux se tindimidawna” – Julia Farrugia Portelli

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli kitbet li billi jipprovokaw, jibbuwjaw u jduru mal-karozzi tagħhom waqt li qed jaqdu dmirhom fil-Parlament, mhux se jintimidawhom.

“Wieħed jista’ jipprotesta bla ma jobżoq” – Evarist Bartolo

Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq li wieħed jista’ jipprotesta bla ma jobżoq, bla ma jinsulenta, bla ma jitkellem ħażin u jattakka lill-persuni li qed jipprotesta kontra tagħhom.



Fejn kien sejjer Yorgen Fenech?