Miss World Malta tippromwovi l-qari

Nicole Vella, li f’Diċembru se tirrappreżenta lil Malta fil-konkors ta’ Miss World f’Londra, ilbieraħ żaret l-iskola primarja tar-Rabat B tal-Kulleġġ San Nikola bħala Ambaxxattriċi tal-Qari.

Waqt l-attività, organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Nicole flimkien mal-Ambaxxaturi tal-Qari Carmel Busuttil u Saviour Darmainin, iltaqgħu mal-istudent tas-sitt sena u qrawlhom stejjer bil-Malti u bl-Ingliż. Wara, l-istudenti kellhom l-opportunità jiddiskutu l-istorja mal-Ambaxxaturi, kif ukoll jistaqsu xi mistoqsijiet dwar il-kotba li jħobbu jaqraw u l-importanza tal-qari f’ħajjithom.

Nicole ħeġġet lill-istudenti biex jaqraw kuljum. Hi saħqet magħhom li biex jirrealizzaw il-ħolm tagħhom iridu jaħdmu u jirsistu. Ta’ min wieħed isemmi li barra l-immudellar, Nicole hija studenta Universitarji tal-Psikoloġija, żeffiena u kantanta u għalhekk hija persuna denja biex tippromwovi l-qari.

L-għan ewlieni tal-programm ‘Ambaxxaturi tal-Qari’ hu li jxerred l-imħabba lejn il-qari permezz ta’ attivitajiet ta’ qari għall-gost fl-iskejjel bis-sehem ta’ personalitajiet magħrufa lokali. Fost l-ambaxxaturi hemm awturi, kantanti, atturi, żeffiena, sportivi, preżentaturi, xandara u ġurnalisti.