Miss England tneħħi l-kuruna tas-sbuħija biex tagħmilha ta’ tabib

Bhasha Mukherjee kienet inkurunata Miss England fl-2019 iżda issa ħalliet ix-xogħol ta’ karità li kienet tagħmel barra pajjiżha biex marret lura fir-Renju Unit tkompli l-karriera tagħha bħala tabiba f’nofs il-pandemija tal-coronavirus.

Bhasha Mukherjee kienet waqfet fil-karriera bħala tabib wara li kkompetiet fil-Miss World Pageant f’Diċembru 2019.

Iżda hekk kif is-sitwazzjoni tal-coronavirus ħżienet fir-Renju Unit, Mukherjee kienet qed tirċievi messaġġi minn eks kollegi fl-isptar antik tagħha u jgħidulha kemm kienet diffiċli s-sitwazzjoni għalihom. Għalhekk Mukherjee għamlet kuntatt mat-tim tat-tmexxija tal-isptar u għarrfithom li riedet tirritorna għax-xogħol.

Bhasha Mukherjee qalet  “Jien ridt nirritorna d-dar. Ridt immur ix-xogħol.”

Hija waslet l-Ingilterra llbieraġ, it-Tlieta. Meta waslet lura qalet li “m’hemmx mument aqwa li tkun Miss England mil-lum biex tgħin lill-Ingilterra f’dawn iż-żminijiet.”

Il-mara ilha tgħix fil-belt ta’ Derby minn mindu kellha disa’ snin wara li l-familja tagħha emigrat lejn l-Ingilterra minn Calcutta fl-Indja.