Misjuba verżjoni ta’ kanzunetta ta’ Freddie Mercury tal-1986 li qatt ma ndaqqet qabel

Fl-aħħar sigħat BBC Radio 2 daqq għall-ewwel darba silta mużikali ta’ Freddie Mercury li qatt qabel ma kienet indaqqet qabel.

Time Waits For No One kienet parti mis-soundtrack tal-musical Time li ttella’ fil-West End ta’ Londra fl-1986. Dan il-musical kellu lil Cliff Richard fil-parti ewlenija.

Diġà kien hemm verżjoni ta’ din il-kanzunetta b’vidjow mużikali li nħareġ fl-1986, iżda issa nstabet verżjoni oħra, dik ta’ Mercury waqt li kein qiegħed waħdu akkumpanjat minn pjanu jagħmel prova ta’ din il-kanzunetta partikolari.

Il-kanzunetta nkitbet minn Dave Clark tal-grupp pop Dave Clark Five li kien jemmen li dak id-demo li kienu rrikordjaw kellu xi ħaġa partikolari li kienet nieqsa mill-verżjoni oriġinali li kienu ħarġu.

Jingħad li Clark ilu snin twal jaħseb fejn setà spiċċa dan ir-rikording u wara snin twal ta’ tfittxija sabu s-sena l-oħra u għamel kuntatt ma’ Mike Moran li fl-1986 kien daqq il-pjanu waqt li Mercury kien kanta.

B’hekk wara li l-vuċi ġiet isseparata mill-mużika, Moran irrekordja mill-ġdid il-mużika biex jagħtiha laqta friska u moderna li issa nħarġet mill-ġdid u wara li bdiet tindaqq mil-lum fuq l-istazzjon tar-radju BBC 2, inħarġet ukoll fuq pjattaformi diġitali bħal iTunes, Spotify u Apple Music biex tkun tista’ titgawda minn kulħadd.