Misjuba fabbrika ta’ prodotti foloz tal-Apple

9 persuni ġew arrestati fiċ-Ċina wara rejd mill-Pulizija f’fabbrika li allegatament għamlet mal-41,000 iPhone falz, taparsi tal-Apple.
Il-fabbrika, li twaqqfet f’Jannar minn raġel u martu, kienet timpjega mijiet ta’ ħaddiema li kienu jgħaqqdu mill-ġdid parts ta’ smartphones antiki u jippreżentawhom bħala mowbajls ġodda.
Skont l-awtoritajiet Ċiniżi, il-prodotti maħduma s’issa ġabu l-valur ta’ $19-il miljun, jew €17-il miljun.
Kienet l-Istati Uniti li wasslet għall-bidu ta’ investigazzjonijiet wara li l-uffiċjali tad-dwana qabdu prodotti foloz, li rriżultaw li kienu ġejjin miċ-Ċina.
Erba’ snin ilu, fiċ-Ċina kienu nstabu ħwienet taparsi tal-Apple bi prodotti foloz li kienu tant preċiżi li ħafna mill-ħaddiema kienu konvinti li kienu impjegati tal-ġgant Amerikan tal-elettronika.