Misjuba 84 bejn nagħaġ, mogħoż u bovini mhux irreġistrati fi 28 xahar

Bejn Marzu 2013 u April 2016 instabu 84 bhima, bejn nagħaġ, mogħoż u bovini li ma kienux identifikati u rreġistrati.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-Ministru responsabbli mill-biedja Leo Brincat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea.
Minn dawn, 43 kienu mogħoż u 39 kienu nagħaġ.
L-iktar sena li fiha nstabu bhejjem mhux irreġistrati kienet l-2014 meta uffiċjali tad-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji sabu 55 bhima, fosthom żewġ bovini. Is-sena ta’ qabel ma nstabet ebda irregolarità.
Fix-xhur li għaddew il-kwistjoni ta’ bhejjem mhux irreġistrati qamet diversi drabi fl-aħbarijiet b’rabta mal-każ ta’ mijiet ta’ nagħaġ mhux irreġistrati tar-raħħal Għawdxi Ġanni Attard li l-Qorti f’Għawdex kienet tat sentenza li jridu jinqatlu minħabba li jistgħu jirrapreżentaw periklu għas-saħħa.