Read in English.
L-Università ta’ Malta qalet li kif isir kull sena għal dawk li japplikaw għall-eżamijiet tagħhom f’Settembru ma ġewx offruti sessjoni oħra ta’ resit iżda fl-istess stqarrija qalet li rrevediet u naqqset il-kriterji tad-dħul tagħha għall-maġġoranza kbira tal-korsijiet għal din is-sena akkademika.
L-Università ħarġet stqarrija li fiha wieġbet għall-istorja ta’ The Times of Malta li skont l-Università l-fatti f’dan l-artiklu “ma tawx stampa korretta rigward id-dħul fl-Università din is-sena”.
Min ġab anqas minn 36 punt u jkun eliġibbli li joqgħod għas-sessjoni ta’ Diċembru jkun jista’ jtejjeb ir-riżultati tiegħu biex jgħoddu għad-dħul fl-Università f’Ottubru 2021.
Spjegaw li din l-informazzjoni kienet ilha fuq is-sit tal-Università mill-bidu ta’ April li għadda u kulħadd seta’ jivverifika. Intqal ukoll li saru diversi webinars matul is-sajf biex iżommu lill-istudenti informati sewwa u “għalhekk mhux veru li l-istudenti tħallew fid-dlam”.
X’kien isir qabel u x’sar din is-sena?
Is-sessjonijiet tal-Matrikola normalment isiru f’Mejju u f’Settembru. Din is-sena ż-żewg sessjonijiet ta’ Mejju u Settembru ngħaqqdu f’sessjoni waħda u hemm ukoll sessjoni ta’ resits f’Diċembru. Bl-istess mod bħal qabel, din is-sena wkoll, dawk l-istudenti tas-sixth form li rreġistraw għas-sessjoni ta’ Settembru biss, mhumiex eliġibbli għall-resit.
Xi kriterji tnaqqsu?
Kriterji normali | Kriterji għall-2020 | |
1 | Minimu ta’ 44 punt mir-riżultati tal-Matrikola | Minimu ta’ 36 punt mir-riżultati tal-Matrikola |
2 | Fil-pussess taċ-Ċertifikat tal-Matrikola | Mhux meħtieġ |
3 | Trid tgħaddi mill-anqas f’wieħed mis-suġġetti offruti f’kull wieħed mill-Gruppi 1, 2 u 3 | Mhux meħtieġ |
4 | Trid toqgħod għall-eżami ta’ sitt suġġetti | Mhux meħtieġ |
5 | Trid tgħaddi mis-Systems of Knowledge | Mhux meħtieġ |
6 | Rekwiżiti speċjali tal-kors | Mhux meħtiega għall-maġġoranza tal-korsijiet |
7 | Trid tgħaddi (bi Grad 5 jew ogħla) fis- SEC fis-suġġetti tal- Matematika, l-Ingliż u l-Malti | Mhux meħtieġa |
Permezz ta’ ittra li ntbagħtet lil kull applikant individwalment, l-Università kienet għamlitha ċara ħafna li l-istudenti kienu se jitħallew jibdew il-kors proviżorjament fid-19 ta’ Ottubru 2020 sakemm joħorgu r-riżultati tal-MATSEC u jekk ma jiksbux għall-anqas 36 punt bil-kriterji mibdula, kienu se jitwaqqfu mill-kors.
Min ma jissodifax ir-rekwiżiti kollha normali skont it-tabella imma jikseb mill-inqas 36 punt se jitħalla jkompli l-kors bħala student fuq probation. Normalment, jekk student fl-ewwel sena jeħel minn numru żgħir ta’ study-units jitħalla jitla’ fit-tieni sena u jkompli l- kors, filwaqt illi student fuq probation f’din iċ-ċirkostanza jkollu jieqaf mill-kors.