Mis-sena d-dieħla, daqshekk eżamijiet ta’ nofs is-sena

Mis-sena skolastika li jmiss, il-Gvern ħabbar li se jkun qed iwaqqaf l-eżamijiet ta’ nofs biex minflok tiddaħħal sistema ta’ assessjar matul is-sena.
Waqt programm fuq l-istazzjon Nazzjonali, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri qal li din tfisser li l-istudenti se jingħataw 50 siegħa aktar għat-tagħlim fil-klassijiet.
Frank Fabri ħabbar ukoll li bil-ftehim settorjali mal-MUT, hemm qbil biex mis-sena skolastika tal-2019 se jiddaħħlu suġġetti applikati u aktar suġġetti vokazzjonali li jwasslu għall-eżamijiet tal-O Levels.
Fost l-affarijiet li l-Ministeru se jkun qed iħabbar, is-Segretarju Permanenti qal li mistennija tiġi mnedija politika ġdida dwar il-homework.
Dwar dan, Fabri saħaq li hemm bżonn ikun hemm kultura ta’ edukazzjoni anke għall-ġenituri biex jifhmu li l-istudenti ma jitgħallmux biss mill-homework. Qal li t-tfal għandhom dritt biex jistrieħu, jilagħbu u anke biex jagħmlu r-reviżjoni iżda saħaq li “l-esaġerazzjonijiet mhumiex tajbin, anzi jagħmlu l-ħsara.”
L-inklużjoni fl-edukazzjoni se tkun ukoll indirizzata permezz ta’ aġġornament f’din il-politika tal-Gvern.