Read in English.
Miriam Pace, il-mara li kienet nieqsa wara li ġġarrfet darha fil-Ħamrun, instabet mejta qalb it-tifrik illejla.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li ġisem il-mara nstab għall-ħabta tal-10pm. Il-katavru nħareġ fl-10.30pm. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat.
Il-pulizija baqgħu jfittxu sal-lejla wara li d-dar iġġarrfet fis-2.15pm fi Triq Joseph Abela Scolaro.
Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied.
Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qalet li ssospendiet wieħed mill-membri tagħha li qalet li huwa involut fil-proġett ta’ kostruzzjoni marbut mal-inċident. Huwa involut bħala “investitur”.
Kelliem għall-Pulizija ma setax jikkonferma jew jiċħad jekk il-Pulizija hux qed iżżomm lil xi nies b’rabta mal-każ, minkejja li rapporti lokali qalu li kienu qed jiġu interrogati dawk responsabbli għall-proġett.
Simon Debono, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà, mar fuq il-post u allega li qed titbagħbas l-evidenza billi jitneħħa t-terrapien. Huwa beda jinsisti li jkellem lill-Ispettur tal-Pulizija, u qal li l-evidenza trid tibqa’ mhux imbagħbsa għall-inkjesta maġisterjali.
Protesta siekta: “Ma rridux aktar imwiet” – Repubblika
L-għaqda mhux governattiva Repubblika ħabbret protesta siekta li se ssir għada fis-7pm fil-post fejn seħħet it-traġedja.
Repubblika sostniet li s-sogħba trid tinbidel f’rabja. Qalet li xi ħadd hu responsabbli għal dan il-qtil u jeħtieġ li ssir ġustizzja għax “ma rridux aktar imwiet.”
Appellat lill-pubbliku biex jattendi biex titfakkar Miriam Pace.