Miriam inqatlet minn sistema fejn il-politiċi jwaħħlu f’xulxin u jieħdu l-flus mill-iżviluppaturi – Delia

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li Miriam Pace nqatlet minn sistema li falliet. Huwa qal li llum il-poplu jinsab imnikket u rrabjat għax iħossu żgħir u insinifikanti lejn min għandu l-poter. Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Delia qal li l-liġijiet iddgħajfu bl-iskuża tat-tkattir tal-ekonomija u nħolqot sistema fejn il-kelb iwaħħal f’denbu.

“Il-politiċi jwaħħlu f’xulxin u jibqgħu jieħdu l-flus mingħand l-iżviluppaturi. Inħolqot sistema fejn il-flus spiċċaw il-bottom line. Konna ngħidu li fil-Parlament ma jikbrux fjuri, illum il-fjuri ma jikbru mkien. Miriam ħallset l-ogħla prezz ta’ sistema perversa,” stqarr Delia.

Huwa qal li s-sens ta’ biża’ meta tkun f’darek irid jieqaf, kif trid tieqaf ukoll id-dipendenza jew il-perċezzjoni ta’ dipendenza tal-partiti fuq l-iżviluppaturi. Huwa qal li l-emendi fir-regolamenti tal-bini għamlu s-sitwazzjoni agħar kif stqarret il-Kamra tal-Periti. Delia qal li r-regolamenti nkitbu bl-għan li min hu l-aqwa jħallas. Huwa stqarr li Miriam Pace mhix l-unika vittma ta’ dan kollu għax l-istituzzjonijiet ukoll tilfu snienhom u ma baqgħux iktar t-tarka tan-nies. Delia stqarr li jekk minn din is-sitwazzjoni toħroġ nitfa sewwa, Miriam ma tkunx mietet għalxejn iżda bil-mewt tagħha jsalvaw diversi familji li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

Delia ppropona pjan ta’ azzjoni li l-Parlament jibda jiddiskuti l-finanzjament tal-partit mill-Istat, li jitwaqqaf kumitat konġunt fi-parlament biex jimplimenta l-miżuri li qed tipproponi l-Kamra tal-Periti.

Il-Parlament ġie aġġornatat kmieni b’sens ta’ luttu lejn it-traġedja tal-bieraħ.