Miriam Dalli x’aktarx tieħu s-siġġu ta’ Joseph Muscat fil-Parlament

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli x’aktarx tieħu s-siġġu parlamentari ta’ Joseph Muscat wara li dan irriżenja l-ġimgħa li għaddiet. Il-Kummissjoni Elettorali llum ħabbret li ħadd ma daħħal in-nomina tiegħu għall-elezzjoni każwali sabiex isir Membru Parlamentari u s-sejħa għalqet illum.

Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li Dalli x’aktarx tiġi koptjata fil-Parlament biex tieħu s-siġġu ta’ Muscat. Dan ifisser li hija titlaq Brussell u jkollha ssir elezzjoni każwali biex xi ħadd joħdilha postha fil-Parlament Ewropew.

L-ebda nomina sottomessa fl-elezzjoni għas-siġġu ta’ Muscat

Iż-żewġ kandidati Laburisti li setgħu ħadu s-siġġu tal-eks Prim Ministru, Stefan Buontempo u Mark Causon, kitbu fuq Facebook dwar id-deċiżjoni tagħhom li ma jdaħħlux in-nomina għas-siġġu parlamentari.

Buontempo kien mar aħjar minn Causon fl-elezzjoni tal-2017, minkejja li t-tnejn kellhom kellhom ftit voti fl-ewwel għadd.

Causon qal li wara li kkunsidra din id-deċiżjoni, minħabba raġunijiet personali, iddeċieda li mhux se jdaħħal in-nomina tiegħu għall-elezzjoni każwali.

Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ħeġġewni u bagħtuli l-isbaħ xewqat għall-elezzjoni għas-siġġu vakanti tal-Onor…

Posted by Mark Causon on Monday, October 12, 2020

L-eks Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo wkoll fiehem id-deċiżjoni tiegħu. Qal li mhuwiex se jerġa’ jidħol fil-politika.

Semma kif wara l-elezzjoni tal-2017, kien iddeċieda li jieħu pass lura mill-politika. Spjega li karriera fil-politika tfisser ħafna sagrifiċċji li jaffettwaw lill-familja, u din xi ħaġa li esperjenzaha u li għadu jbati l-konsegwenzi tagħha.

Illum erġajt ikkonfermajt dik id-deċiżżjoni li kont ħadt wara li tħabbar ir-riżultat tal-Elezzjoni tas-sena 2017, liema…

Posted by Stefan Buontempo on Monday, October 12, 2020

Muscat wera l-intenzjoni li jirriżenja kmieni din is-sena

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat temm il-karriera parlamentari tiegħu bħal-lum ġimgħa ilu, f’diskors li dam madwar 90 sekonda.

Muscat kien ġie elett fil-Parlament Ewropew fl-2004, u sar Mexxej tal-Partit Laburista fl-2008, wara Alfred Sant. Kien ġie koptjat fil-Parlament wara r-riżenja tad-Deputat Joseph Cuschieri.

Laħaq Prim Ministru wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u ġie kkonfermat f’dan l-irwol fl-elezzjoni bikrija tal-2017.

It-tieni terminu tiegħu bħala PM kien imdellel bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-arrest tan-negozjant Yorgen Fenech f’Novembru tal-2019 wassal għal ħafna taqlib politiku u protesti, li wasslu sabiex Muscat irriżenja mill-kariga u f’Jannar li għadda t-tmun tal-pajjiż għadda f’idejn Robert Abela.