Miriam Dalli tixtieq aktar siġar

Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ żvilupp tal-ħdura fil-lokalitajiet Maltin, b’aktar siġar u ġonna, għall-ġid tas-saħħa tas-soċjetà.

Dan qalitu hi u tindirizza attività mar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Skont l-MEP, huwa importanti li ninkludu spazji ħodor kull fejn nistgħu, anke b’ġonna jew parks fuq bjut ta’ parkeġġi taħt l-art jew tal-mini, biex dawn itejbu l-kwalità tal-arja.

Qalet li hemm lok fejn isir żvilupp sostenibbli fl-inħawi ta’ Birżebbuġa u l-madwar, speċjalment għax ir-residenti ta’ dawn l-akkwati sikwit iħossu li l-aktar żviluppi problematiċi saru hawn.

Dalli faħħret il-ħidma tal-Ministeru għall-Ambjent u semmiet li din is-sena tħawlu 6000 siġra. Minkejja dan id-diskors tal-MEP Miriam Dalli favur ambjent aħjar, dalgħodu fil-Marsa tqaċċtu siġar li għandhom iżjed minn 40 sena mingħajr l-ebda raġuni jew ġustifikazzjoni.