Miriam Dalli tipproponi kirjiet skont id-dħul

Il-membru parlamentari Ewropew Miriam Dalli qed tipproponi sistema ta’ kiri skont id-dħul tal-individwu.

Skont Dalli, persuni li għandhom dħul baxx u paga medja għandhom iħallsu mhux aktar minn persentaġġ stabbilt tad-dħul tagħhom f’kera.

Din il-proposta qed issir fl-isfond tal-white paper dwar il-kirijiet li se titressaq mill-Gvern. Dr Dalli proponiet dan waqt li indirizzat attività fl-Orpheum fil-Gżira. Spjegat kif il-kirjiet irduppjaw f’ħames snin u li dan qed iwassal għal piżijiet akbar lill-familji. Fl-istess waqt enfasizzat li s-soluzzjoni ma tkunx indħil dirett fis-suq tal-kirjiet u tal-propjetà.

Dalli żiedet tgħid li miżura oħra li tista’ tassigura stabbilità hi li meta jkun hemm żidiet fil-kirjiet għandu jkun hemm żidiet fuq medda ta’ snin, b’rati miftemin mas-sid tal-post bil-quddiem biex joffri sens ta’ stabbilità lill-familji.

Hija qalet li din il-proposta nibtet wara laqgha li kellha riċentament ma’ support group ta’ persuni separati fi ħdan il-Caritas fejn diversi persuni esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif mhux qed isibu postijiet affordabbli għall-kiri.

L-aktar milquta minn din il-problema huma persuni li qegħdin bil-minimum wage jew li minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa ma jistgħux jaħdmu full time, temmet tgħid Dalli.