Miriam Dalli tinħatar Viċi President tal-S&D fil-Parlament Ewropew

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Miriam Dalli, għadha kif intgħażlet bħala Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratici fil-Parlament Ewropew u hi l-ewwel Maltija li qatt okkupat din il-kariga fil-Parlament Ewropew.

Aqra: Miriam Dalli tinħatar Kap tad-Delegazzjoni tal-PL

Dalli, li kienet l-MEP Maltija li kisbet l-iżjed voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda, qalet li huwa ta’ unur li l-kollegi Ewroparlamentari fil-grupp tal-S&D urew fiduċja fiha biex tmexxi ‘l quddiem politika progressiva u soċjali. Dalli kisbet 101 vot minn 130.

Fl-ewwel kummenti tagħha wara din il-ħatra, Dalli qalet li se tmexxi politika li tgħaqqad dak li jiġri fil-livell Ewropew mar-realtà li jesperjenzaw il-familji u ċ-ċittadini fl-istati membri kollha, inkluż f’Malta.

Aqra: “Malta tista’ tagħmel id-differenza minkejja ċ-ċokon tagħha” – Miriam Dalli

Il-President tal-Grupp hija l-Ispanjola Iratxe Garcia Perez, li flimkien ma’ Miriam Dalli, se taħdem ma’ kabinett ta’ disa’ Membri Parlamentari Ewropej.