Miriam Dalli tinħatar Kap tad-Delegazzjoni tal-PL

Read in English.

Miriam Dalli se tkun il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin. Dan tħabbar fi stqarrija tal-Partit Laburista li spjegat li l-qbil seħħ b’mod unanimu f’laqgħa tal-istess delegazzjoni li għaliha attendew l-erba’ Membri tal-Parlament Ewropew eletti f’isem il-PL.

F’kumment tagħha wara l-aħbar li se tkun Kap tad-Delegazzjoni, Dalli qalet li tirringrazzja lil sħabha tal-fiduċja fiha u tħares ‘il quddiem, sabiex flimkien mal-MEPs l-oħra taħdem fl-interess tal-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu.

Aqra: Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar is-6 MEPs eletti

Matul l-istess laqgħa, il-Partit Laburista qal li ddiskuta l-prijoritajiet li fuqhom se jiffukaw l-MEPs tal-Partit Laburista fix-xhur li ġejjin.

Il-kandidati eletti, kif imbassra tard ilbieraħ filgħaxija huma erba’ għall-Partit Laburista u tnejn għall-Partit Nazzjonalista. Skont il-lista tal-Kummissjoni, l-aktar kandidata li kisbet voti hija Miriam Dalli għall-Partit Laburista, segwita minn Roberta Metsola għall-Partit Nazzjonalista. Fit-tielet post ġie Alfred Sant għall-Partit Laburista, segwit minn David Casa għall-Partit Nazzjonalista. Fil-ħames post hemm Alex Agius Saliba, segwit minn Josianne Cutajar, it-tnejn li huma f’isem il-Partit Laburista.

Aqra: Ma kinitx kampanja ta’ ftit ġimgħat imma 5 snin ta’ ħidma – Dalli