Miriam Dalli se tinnegozja biex jintbagħtu lura immigranti

L-Ewroparlamenti tal-Partit Laburista Miriam Dalli se tinnegozja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jintbagħtu lura ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fl-Unjoni Ewropea b’mod illegali.
Din il-proposta tagħmel parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u għandha l-għan tistabbilixxi dokument li jkun aċċettat mill-pajjiż li minnu jkun telaq l-immigrant. B’hekk ikun iffaċilitat ir-ritorn tal-immigranti lejn pajjiżi terzi.
Wara li ngħatat dan l-irwol, Miriam Dalli qalet li r-rilokazzjoni u r-resettlement huma parti mill-politika dwar l-immigrazzjoni, iżda saħqet li aspett ieħor importanti ħafna hu dak tar-ritorn.
Saħqet li “Immigranti li t-talba tagħhom għall-ażil fl-UE tiġi miċħuda, jew dawk li ma jkunux jikkwalifikaw għaliha, iridu jintbagħtu lura f’pajjiżhom. B’dan il-mod biss nistgħu nassiguraw politika Ewropea komuni dwar l-ażil.”
Sadanittant l-MEP Laburista Marlene Mizzi, f’intervent fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, kellha kliem iebes għan-nuqqas ta’ appoġġ u n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet effettivi għall-kriżi umanitarja dwar is-sitwazzjoni tal-migrazzjoni.
Sostniet li “Irridu nġibha fi tmiemha d-Dublin Regulation attwali, li fil-forma preżenti tagħha hi kompletamet inutli u mingħajr funzjoni.”