Miriam Dalli responsabbli mill-politika Soċjalista dwar Green New Deal Ewropew

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli se tmexxi l-politika tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi favur mudell ekonomiku li jiżgura l-kompetittività u l-ħarsien tal-ambjent bħala parti mill-Green New Deal tal-Unjoni Ewropea.

L-MPE Dalli ġiet fdata b’dan ir-rwol minħabba li ħadmet dwar kwistjonijiet fejn kien vitali li tiżgura l-kompetittività, l-integrità ekonomika u l-ħarsien tal-ambjent.

Bħala parti mill-portafoll tagħha, Miriam Dalli se tkun qed tikkoordina l-ħidma dwar l-ewwel liġi Ewropea dwar il-Klima, li l-President-elett għall-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tintroduċi fl-ewwel 100 jum tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Din il-liġi dwar il-Klima se tkun qed tistabbilixxi l-bażi għall-ambizzjoni fit-tul biex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050 u l-miri ta’ nofs it-terminu għall-2030. L-S&D qed jimmiraw għal 55%.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew se tkun ukoll responsabbli mill-politika agrikoli u tas-sajd, inkluż approċċ ġdid għal Ekonomija Blu sostenibbli. Dalli se tkun qed taħdem fuq strateġija tal-S&D għal Finanzjament Ekoloġiku u fuq l-istrateġija tal-grupp biex ikun indirizzat l-faqar enerġetiku.