Miriam Dalli mill-ewwel taħt il-lenti tal-kritika

Miriam-Dalli
Miguela Xuereb

Lanqas kienet għadha nixfet il-linka fuq il-firma tal-ħatra hekk kif il-Ministru l-ġdid għall-Enerġija Miriam Dalli mill-ewwel spiċċat fil-mira tal-mistoqsijiet tal-membri parlamentari.

Filwaqt li l-membri kollha rrikonoxxew li Dalli kienet għadha trid issib saqajha fil-ħidma tagħha, staqsew numru ta’ mistoqsijiet li jvarjaw mill-impjant taż-żejt f’Birżebbuġa sat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Dalli dehret aġġornata bl-aħħar żviluppi fil-qasam tal-enerġija, hekk kif għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone dwar l-impjant taż-żejt f’Birżebbuġa, il-Ministru Miriam Dalli saħqet li “x-xogħol biex jittieħed f’Ħas-Saptan kien għaddej u sas-sena d-dieħla x-xogħol meħtieġ se jkun sar”. 

Dwar charging bays għall-karozzi elettriċi, Dalli qalet li l-permessi u t-tenders kienu ħarġu. Hi qalet li l-mira ta’ Malta hi li sas-sena 2050, l-ekonomija Maltija tkun dekarbonizzata u jkollna bilanċ bejn l-emissjonijiet ġenerati u dawk assorbiti. Fuq mistoqsija tad-deputat Laburista Jean Claude Micallef, Dalli qalet li l-Gvern irid jaċċerta ruħu li s-17-il mira  ta’ żvilupp sostenibbli tal-Carbon Neutrality ikunu parti mill-politika tal-Gvern.

Wasslet ukoll l-ewwel battuta politika tagħha, fejn id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa jekk il-Ministru Michael Farrugia tneħħiex minn Ministru għall-Enerġija wara li ammetta li  dwar il-maħfra ta’ €40 miljun lill-Electrogas, wara kulħadd għaref.

Dalli qalet li bl-investiment tal-Electrogas il-Maltin qed igawdu kontijiet tad-dawl irħas.