Miriam Dalli kontra l-użu tal-plastik fl-iskema tal-frott u l-ħalib

Lunch

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli sostniet li minkejja li l-iskema tal-frott u l-ħalib hija waħda pożittiva hemm bżonn li wieħed jassigura li ma jiġix iġġenerat aktar skart.
Fil-jiem li għaddew, bosta ġenituri u għalliema kkritikaw b’mod aħrax is-sistema l-ġdida tal-frott u l-ħalib b’xejn fl-iskejjel wara li nstab li dawn qed ikunu ppakkettjati f’kontenituri tal-plastik kif ukoll qed jintużaw straws tal-plastik.
Filwaqt li rreferiet għal dak li qalet Cami Appelgren, attivista lokali għall-ħarsien tal-ambjent, stqarret li skemi bħal dawn iridu jassiguraw li mhux se jiġġeneraw aktar skart billi jintroduċu aktar pakkettjar tal-plastik u straws.
Fuq il-messaġġ li ħalliet fuq Facebook, Dalli faħħret lill-iskola Primarja tal-Għargħur li qed tinkoraġġixxi lit-tfal iġibu tazza li tista’ terġa’ tintuża sabiex jixorbu l-ħalib.
Kitbet ukoll li qed tistenna bi ħġara azzjoni pożittiva mill-Ministru għall-Ambjent José Herrera u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li temmen li għandhom l-impenn li jnaqqsu l-plastik.