Miriam Dalli fost 80 MEP li qed jappellaw lill-KE għall-aċċessibilità onlajn

Il-membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli ngħaqdet ma’ 80 MEP ieħor minn sitt gruppi politiċi fl-appell lill-Kummissjoni Ewropea biex ma jidħlux fi-seħħ drittijiet anċillari li jistgħu jaħdmu favur pubblikaturi kbar u dan b’detriment għall-pubblikaturi żgħar u ċ-ċittadini Ewropej.
It-talba saret wara l-Kummissjoni ħabbret qafas dwar il-copyright u l-Ewroparlamentari qed jopponu pjan li jwassal biex persuni li jikkwotaw minn kontenut tal-aħbarijiet jinżammu responsabbli legalment.
Miriam Dalli flimkien mal-Ewroparlamentari l-oħra li ffirmaw l-appell jemmnu li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tista’ tfisser l-ewwel pass favur l-introduzzjoni ta’ drittijiet anċillari.
Dan hekk kif Gvernijiet imponew ħlasijiet fuq search engines u pjattaformi onlajn li jipprovdu informazzjoni qasira dwar aħbarijiet.
Il-Ġermanja u Spanja diġà introduċew dawn il-ħlasijiet fejn search engines jintalbu jħallsu lill-pubblikaturi biex iwasslu l-informazzjoni.
L-Ewroparlamentari Maltija Miriam Dalli flimkien mal-membri l-oħra appellat lill-Kummissjoni biex tirriforma r-regoli tal-copyright b’tali mod li ssaħħaħ is-suq diġitali Ewropew filwaqt li tippromwovi u mhux toħnoq il-kreattività.