Miriam Dalli b’rapport għat-tnaqqis fl-emmissjonijiet tal-karozzi

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli se tkun qed tokkupa l-irwol ta’ rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karozzi.
Hi se tmexxi n-negozjati fil-Parlament Ewropew dwar l-istandards Ewropej tal-emmissjonijiet tal-karozzi wara l-2020.
Dawn id-diskussjonijiet se jsiru mal-partijiet interessati biex b’hekk jintlaħaq ftehim mal-Kunsill Ewropew.
Il-ftehim se jkun qed ipoġġi lill-konsumaturi, is-saħħa pubblika, il-kompetittività Ewropea u t-tibdil fil-klima fuq quddiem tal-aġenda.
Fi stqarrija Dalli qalet li bħalissa jeżistu tliett problemi: in-nuqqas ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew ma jniġġsux ħafna, il-possibilità li l-konsumaturi mhux qed jiggwadanjaw billi jiffrankaw il-fjuwil, u r-riskju l-Unjoni Ewropea qed titlef il-kompetittività minħabba n-nuqqas tal-innovazzjoni f’teknoloġija b’emissjonijiet baxxi.
Il-Parlament Ewropew irrakommanda mira ta’ 30% fl-2013 li kellha tintlaħaq f’ħames snin.
F’Malta kien hawn 372,061 vetturi liċenzjati sa Diċembru 2017 iżda inqas minn 1% jaħdmu bl-elettriku jew huma hybrid.
Bejn l-2005 u l-2014, f’Malta, l-emissjonijiet minn mezzi ta’ trasport fuq l-art kiber b’16.4%.