Miriam Christine lura fix-xena mużikali

Il-kantawtriċi Miriam Christine għamlet ir-ritorn tagħha fix-xena mużikali permezz tal-kanzunetta Bi Ftit Kliem li ħarġet proprju llum u li se tkun waħda mis-siltiet mill-album li se tkun qed tniedi fi ftit taż-żmien ieħor.

“Bdejt naħdem fuq dan il-proġett wara li missieri ħalliena. Ridt li niftaħ qalbi biex jaraha kulħadd. Wara t-telfa tal-papa’ tgħallimt ħafna, speċjalment dwar xi jfisser l-aktar fil-ħajja u x’inhu l-aktar importanti. Bi Ftit Kliem hija l-ittra li dejjem xtaqt nikteb lil uliedi imma ma stajtx…” qalet Miriam Christine fl-ewwel kummenti tagħha dwar din il-kanzunetta.

Hekk kif ninsabu wkoll ftit tal-ġranet ‘il bogħod minn Jum l-Omm, Miriam Christine żiedet tgħid li ”Ftit kliem li ninsab ċerta kull omm ħasset u xtaqet tgħid lil uliedha f’xi punt jew ieħor, anke jekk il-ħajja wasslitha biex ma tgħidhomx. U għalhekk għal dawk l-ulied kollha li jħossu li ommhom mhux hemm, kunu ċerti li ommkom tħobbkom u ħabbitkom ħafna u li dejjem għamlet l-aħjar li setgħet tagħmel.”

Għalkemm assenti mix-xena tal-mużika lokali wara l-parteċipazzjoni tagħha fl-Għanja tal-Poplu 2016, Miriam Christine żammet ruħha impenjata għall-aħħar dan l-aħħar, billi ħadet sehem f’musical oriġinali In-Naħal tal-Imħabba.

Il-kanzunetta Bi Ftit Kliem hija akkumpanjata wkoll minn vidjo mużikali li sar minn Shirley Spiteri Mintoff ta’ Motion Blu b’ko-ordinazzjoni ma’ Ironic PR & Artist Management.

Tul il-karriera tagħha, Miriam Christine kellha l-unur li tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest, rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, ikklasifikat mal-ewwel 3 kemm fl-Għanja tal-Poplu kif ukoll fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija kif ukoll ħarġet 3 albums b’ħoss distint.