”Miraklu li għadu ħaj“

Read in English.

Persuna li rnexxiela ssalva abbord il-bastiment Norveġiż Ocean Viking li huwa operat mill-SOS Mediterranee u Médecins Sans Frontières (MSF) prova jaħrab mil-Libja 5 darbiet. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Nicholas Romaniuk li huwa l-koordinatur ta’ tiftix u salvataġġ mal-SOS Mediterranee.

Abbord il-bastiment Ocean Viking bħalissa hemm 356 persuna li 103 minnhom huma minuri.  Qabel dan il-bastiment, iż-żewġ għaqdiet mhux governattivi kienu joperaw il-bastiment Aquarius.

Meta mistoqsi dwar l-istejjer li jirrakkontaw il-persuni li jsalvaw, Nicholas qal li l-istejjer huwa tipiċi li sema’ tul dawn l-aħħar snin kemm ilu jagħmel dan ix-xogħol. Żied li huwa inkwetanti meta jisma’ diversi stejjer ta’ nies li jkunu għamlu diversi attentati biex jippruvaw jaqsmu l-Mediterran. Persuna partikolari li bħalissa tinsab fuq l-Ocean Viking rnexxielha ssalva wara li pruvat taqsam lejn il-Mediterran 5 darbiet. L-aħħar darba li pprova jaħrab kien ftit tal-ġimgħat ilu u huwa kien l-unika persuna li salva. Nicholas qal li huwa mhux ċert jekk ir-raġel ġiex salvat minn sajjied jew mill-gwardja tal-kosta Libjana.

Nicholas qal li huwa miraklu li jinsab ħaj u spjega li d-dgħajjes li bihom jippruvaw jaqsmu għall-Mediterran mhumiex tajbin biex jivvjaġġaw bihom għax ħafna drabi jispiċċaw jitkissru. Kompla li n-nies ikunu affaċjati b’żewġ triqat jew li jibqgħu l-Libja jew inkella li jieħdu s-sogru u jaqsmu għall-Mediterran bis-sogru li jmutu.

Meta mistoqsi dwar x’ini s-sitwazzjoni bħalissa fuq il-bastiment, Nicholas rrefera għall-maltemp li żdied f’dawn l-aħħar ġranet. Huwa semma kif it-tim mediku tal-MSF kien qed jassisti persuni li spiċċaw ma jifilħux. Żied li minkejja li s-sitwazzjoni għadha kalma huwa importanti li jiġu żbarkati sabiex jingħataw it-trattament li għandhom bżonn.

L-UE għadha ma ħarġitx b’soluzzjoni għall-iżbark tal-immigranti

Meta mistoqsi dwar il-biża’ li jistgħu jispiċċaw bħall-bastimentl Proactiva Open Arms, huwa qal li jibża’ li din hija possibilità. Huwa qal li skont il-liġi marittima persuni li jkunu salvaw minn nawfraġju għandhom jiġu żbarkati minnufih f’post sigur. Huwa kompla li dan mhux jiġri.

Nicholas qal li n-nies qed ibatu u għandhom nuqqas ta’ kumdità. Spjega li n-nies ħafna drabi jispiċċaw jitkellmu fuq l-esperjenzi trawmatiċi li għaddew minnhom.  Huwa kompla li t-tfal li jinsabu abbord għaddew minn esperjenzi terribbli. Żied li t-tfal għandhom bżonn il-protezzjoni u tiġi indirizzata t-trawma li għaddew minnha.

‘Huwa importanti li l-Għaqdiet mhux Governattivi jkomplu xogħolhom’

Meta mistoqsi dwar l-irwol tal-Għaqdiet mhux Governattivi u l-importanza tagħhom fil-missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, Nicholas qal li huwa importanti li l-għaqdiet ikomplu dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. Spjega li din is-sena kellhom jibqgħu fil-portijiet wara li kellhom jagħmelu diversi xogħlijiet fuq il-bastimenti tagħhom. Huwa osserva li n-nies xorta għadhom jitilqu mil-Libja u jippruvaw jaqsmu lejn l-Ewropa b’ħafna minnhom jispiċċaw imutu.

Ara: Aġġornata: 60 minorenni abbord Ocean Viking

Ara: Malta u l-Italja jintalbu port sigur għat-356 persuna fuq Ocean Viking

Ara: Persuni f’nofs ta’ baħar: L-ebda stat membru m’għamel talba formali – KE