Mira biex sal-2020 jonqsu bin-nofs l-inċidenti fatali

Illum in-Nazzjonijiet Magħquda qed tfakkar il-jum dinji li fih jitfakkru dawk li tilfu ħajjithom matul din is-sena.
Il-messaġġ ewlieni ta’ dan il-jum huwa mira biex sal-2020 jonqsu bin-nofs l-inċidenti fatali u dawk li jkorru fit-triq.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bejn Lulju u Settembru seħħew 3,891 inċident bi 8 fatalitajiet.
Mill-bidu tas-sena, 17-il persuna mietu f’inċidenti tat-traffiku.
Statistiċi tan-Nazzjonijet Magħquda juru li l-inċidenti tat-traffiku huma l-kawża prinċipali tal-imwiet fost dawk li għandhom bejn il-15 u d-29 sena u hija t-tmien l-iktar kawża komuni fost il-persuni kollha madwar id-dinja.
Fi stqarrija, il-Malta Automobile Club saħaq li dan hu jum li fih għandu jingħata apprezzament lil dawk li jaħdmu fis-servizzi ta’ emerġenza, iżda għandu jservi wkoll ta’ riflessjoni fuq l-impatt li dawn l-inċidenti jħallu fuq il-familji u l-komunitajiet.
L-istess grupp saħaq li dan il-jum għandu jqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li jkun hemm iżjed għarfien, liġijiet, infrastruttura u teknoloġiji li jnaqqsu l-inċidenti fit-toroq u jsalvaw il-ħajjiet.
Statistika wara l-oħra turi li f’Malta l-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku qed jiżdiedu kull sena.
Ritratt: Arkivji