Mira biex jinġabru elf borża demm mill-kunsilli lokali

Il-Gvern qed jimmira li jiġbor elf borża demm mill-kunsilli lokali.

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali qal li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis ippresedew fuq l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Bank Nazzjonali tad-Demm u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu se jkun hemm aktar għarfien u inkoraġġiment fejn wieħed joħloq inizjattivi fil-lokal tiegħu biex aktar nies jagħtu d-demm. Huwa ttamat li permezz ta’ dan il-ftehim jinġabru madwar elf borża demm fis-sena mill-attivitajiet imtella’ mill-kunsilli lokali.

Fearne ddeskriva l-għoti tad-demm bħala att ta’ ġenerożità kbira filwaqt li fakkar li l-isptarijiet għandhom bżonn medja ta’ 50 borża demm kuljum.

Parnis qal li l-kunsilli lokali huma l-livell ta’ awtorità l-aktar qrib iċ-ċittadin u huwa importanti li dawn jimirħu fl-oqsma li l-aktar li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti tagħhom.

Il-kunsilli lokali qed jikkommettu lilhom infushom li jippromwovu l-għoti tad-demm fost ir-residenti, bl-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tiddikjara li jkollha ġurnata fis-sena biex hi wkoll torganizza attività ta’ ġbir ta’ demm.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm obbliga ruħu li jassisti fl-attivitajiet tal-kunsilli lokali u jagħti rendikont ta’ għotjiet ta’ demm li jkunu nġabru minn kull lokalità.

L-iffirmar tal-ftehim sar mid-Direttur tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm Dr Alex Aquilina u mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava.