Awdjo: “Mir-responsabbiltà tiegħi ma naħrabx” – Il-Ministru Abela

Dwar jekk hux se jirriżenja b'rabta mat-tliet każijiet ta’ mwiet li seħħew taħt is-sorveljanza tal-pulizija u f’Monte Karmeli fi żmien tliet xhur, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela saħaq li mhux se jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu imma se jwettaqha mill-bidu sal-aħħar.
“Qiegħed hawn biex inġorr ir-responsabbiltajiet ministerjali tiegħi u mir-responsabbiltà jiena ma naħrabx," żied jgħid il-Ministru. 
Esprima x-xewqa li l-inkjesti maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jitlestew malajr kemm jista’ jkun. 
Il-Ministru Abela saħaq li l-investigazzjonijiet qed isiru indipendentament minnu.
Fil-kumment tiegħu, il-Ministru qal li fl-istqarrijiet tal-oppożizzjoni osserva li qatt ma semmew li ma ħallew xejn perfett u li l-Gvern qed jirranġa dak li wiret wara għexieren ta’ snin.
Il-Ministru se jkun qed jagħti dettalji dwar dan il-każ aktar tard illum.