Mintoff, Karin Grech u Raymond Caruana ma’ Daphne quddiem il-Qorti

Tissokta l-kontroversja dwar il-monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti, li qed jospita wkoll mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru li għadda, eżattament erba’ xhur ilu. 
Il-mafkar dalgħodu sebaħ b’iktar ritratti: tal-Eks Prim Ministru Dom Mintoff, Karin Grech li nqatlet b’ittra bomba indirizzata lil missierha fl-1977 fiż-żmien tal-istrajk tat-tobba, u tal-attivist Nazzjonalista Raymond Caruana li nqatel fil-każin tal-partit fil-Gudja fl-1986.

Mhux magħruf minn poġġa dawn ir-ritratti.
Corinne Vella, oħt Daphne, kitbet fuq Facebook fejn irringrazzjat lil min poġġa r-ritratti, għax fi kliemha, ir-ritratti ta’ Raymond Caruana u Karin Grech, qed jippruvaw jimminaw il-messaġġ li mhux qed issir ġustizzja dwar il-każ tal-qtil ta’ oħtha.

Nhar it-Tlieta li għadda, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta rrifjuta mozzjoni li tressqet mill-kunsillier Ray Azzopardi sabiex jitneħħa l-mafkar. Fir-ruling tiegħu fi tmiem laqgħa mqanqla, is-Sindku tal-Belt Alexei Dingli qal li din il-mozzjoni hi inaċċettabbli għax il-kunsill m’għandu l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.
Ritratti: Ian Noel Pace