Minoritajiet oħra xorta jistgħu jiffaċċjaw referendum – KSU

L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu rreaġixxiet għad-dikjarazzjonijiet ta’ avukati dwar ir-referendum tal-kaċċa u ddeskriviethom bħala dikjarazzjonijiet li jiżvijjaw apposta.
Fi stqarrija l-president tal-għaqda, Mark Mifsud Bonnici, saħaq li mhux veru li minoritajiet oħra ma jistgħux jiġu sottoposti għal referendum għax il-minorità ta’ 10,000 kaċċatur qed tiffaċċja l-possibiltà li l-attività legali tagħhom tiġi pprojbita għax ġew ippreżentati firem minn 40,000 ruħ.
Saħaq li dan għalhekk jista’ jseħħ għal kull attività oħra ta’ minorità.
Mifsud Bonnici qal li petizzjoni l-Parlament, Private Member’s Bill jew referendum, li jkollhom firem ta’ parti sostanzjali mill-elettorat, jistgħu jwasslu biex jitwaqqfu kull tip ta’ attività ta’ minorità, delizzju jew passatemp.