Minn xiex qed iċaħħadni dan il-virus!

Irridu nammettu li din l-imxija, li jiena qatt ma ġarrabt bħalha f’74 sena, qed iċċaħħadna minn ħafna ħwejjeġ, l-ewwel u qabel kollox, il-libertà li tagħmel li trid kif konna mdorrijin,  naturalment għal ġid tagħna stess wara kollox.  Imma li trid toqgħod id-dar bilfors, ma tistax toħroġ, għax hemm barra hemm il-periklu, mhix ħaġa ħafifa. Għax ħa toqgħod ġewwa ddur mad-dar bla ma jisfurzak ħadd, taqra xi ktieb, tara xi programm fuq it-televixin, tisma’ xi taħdita fuq ir-radju, tiżbogħ xi bieb jew tieqa, tgħin lil martek tnaddaf jew issajjar, tixxiegħel f’xi passatemp għal qalbek, tikteb xi poeżija jew essay jekk ikollok din is-sengħa, tnaqqi l-ħaxix ħażin u ssaqqi l-pjanti u x-xtieli fil-ġardina li forsi għandek wara d-dar,  imma li perikoluż tixref mill-għatba ’l barra għax tista’ tlaqqat dan il-virus, din xi ħaġa li tniżżlek għarkopptejk, ngħid għalija.

Nistqarr li mal-miġja ta’ dan il-virus u l-parir li aħjar nibqgħu ġewwa, b’mod speċjali ta’ nies tampari, qed inħossni mċaħħad minn għadd ta’ ħwejjeġ li kont drajt bihom.  Imma l-ħaġa tkun taf kemm tiswa meta titlifha. L-ewwel li nimmissja hija l-quddiesa ta’ kuljum.  Kull filgħaxija kont issibni ma’ marti għall-quddiesa tas-6pm fil-knisja parrokkjali tiegħi u wara ngħidu ħames posti tar-Rużarju.  Dawn tlifnihom kollha għax il-bieb tal-knisja issa huwa mbarrat u jkollna nitqannew bi Tqarbina tax-xewqa apparti li ma tistax toqgħod għarkopptejk fi ħdan il-konfessjunarju biex tistqarr dnubietek. Dan biex ma nsemmix il-ħafna funzjonijiet oħra li jiġu matul ix-xahar.  Riesaq l-istaġun tal-festi li minn dejjem kien għal qalbi u dawn issa se jkollna ninsewhom bis-sabiħ kollu u l-għaqda u l-ferħ  li jġibu magħhom.  Insellem lill-Munxarin li kieku bħalissa kont issibhom qed jitħejjew għall-festa titulari tal-Appostlu tal-Ġnus li tiġi fl-aħħar weekend ta’ Mejju.  L-emigranti tagħna lanqas jistgħu jiġu jarawna u jgawdu l-festi u l-bajjiet għax l-ajruport jinsab magħluq u għalkemm it-trasport bejn Malta u Għawdex reġa’ beda dan l-aħħar, ilni żmien ma nara lin-neputija ta’ tmien snin għax il-ġenituri tagħha qed jiddejqu jaqsmu l-fliegu u  jiġu jarawni billi jibżgħu li fuq il-vapur jistgħu jiltaqgħu ma’ xi ħadd imċappas b’dan il-virus li għadu kemm qered, sakemm qed nikteb, is-sitt vittma, tabib fl-aħjar ta’ ħajtu.

Bil-miġja ta’ dan il-virus, m’għadnix noħroġ filgħodu u mmur nieħu capuccino ma’ xi żewġt iħbieb m’għand il-Bellusa għax il-bars tagħna magħluqin ukoll u wara nibqa’ sejjer sa Savina nsellem lill-Ħallieq moħbi fl-Ostja Mqaddsa. Lanqas għadni mmur għal-Laqgħa ta’ darba fil-ġimgħa fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika fejn konna niltaqgħu xi nofs tużżana rġiel tal-et tiegħi u nitgħallmu minn xulxin, nitolbu flimkien u nisimgħu l-kelma fejjieda tal-Patri Agostinjan.  Qed inħoss ukoll it-telfa tal-Laqgħa tal-Koperaturi tal-Museum li kont nattendi kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ rġiel minn Għawdex kollu u nisimgħu kliem ta’ għerf u għaqal minn kelliema mistiedna.  Spiċċat ukoll ir-‘rehearsal’ ta’ darba fil-ġimgħa ta’ dramm għal fuq it-televixin li konna se niffilmjaw fi żmien qasir.  Qed nitlef ukoll il-kumpanija ta’ tant semmiegħa ħelwin u simpatiċi minn Malta u Għawdex li kienu jsegwuni ta’ kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija ‘live’ fuq Calypso radio fi programm li kont ilni nagħmel għal dawn l-aħħar 26 sena flimkien ma’ xi programmi oħra li kont nagħmel fuq ir-radju tal-Parroċċa.  Kont se nippreżenta s-Serata Jum Sannat u dan kellu jitħassar ukoll għal min jaf meta issa.  Kont ukoll qed nippreżenta diversi okkażjonijiet biex ifakkru l-100 sena mit-Twelid tal-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni u t-30 sena mindu kien rifes fuq art twelidna. Kont qed nagħti daqqa t’id lil Malta Union of Teachers f’Għawdex kif ukoll lil Magro Bros fil-Magro Tours, imma kelli nieqaf ukoll!   Dawn issa kollha waqfu għax nies fil-folla ma tistax tiltaqa’ minħabba din l-imxija. Tliet ħuti msefrin, tnejn fl-Awstralja u ieħor fil-Kanada kienu għamlu ħsieb li jiġu jarawna, imma f’salt wieħed kellhom jikkanċellaw din il-btala u għandi dubju terġax tiġi issa.  Bħal daż-żmien kont ukoll inkun mitlub nagħmel xi Orali tal-Matrikola tal-Malti lil bosta studenti Għawdxin imma issa dawn kellhom ukoll jitwaqqfu u meta se jsiru ma nafux.

F’kelma waħda, kelli ħajja mimlija għalkemm is-snin qed inħosshom irossu fuqi; imma kellha tkun din l-imxija li għafset fuq il-brakes ta’ ħajti u qatlitli kull inizjattiva… u kemm se ndumu hekk ma nafux…u meta se niġu lura għan-normal…jekk niġu, ma nafux.  Imnalla ninsabu ngħixu f’din l-era tat-teknoloġija għax b’hekk tal-inqas il-quddiesa qed tasal xorta fi djarna u wliedna, għalkemm imċaħħda mill-iskola, qed jirċievu xorta xi xorta ta’ tagħlim u formazzjoni, imma l-ħajja nbidlet bħal lejl minn nhar u ma tistax tibqa’ sejra hekk għax l-ekonomija tagħna ħadet skoss lura u ħafna impjiegi huma fil-periklu.  M’għandi l-ebda dijadema mal-qorriegħa ta’ rasi, imma naħseb li warrabna xi ftit lill-Ħallieq ta’ kollox u jaqblilna nerġgħu lura għandu jekk irridu nsibu tarf il-problema!