Minn xiex ngħaddi jekk ikolli l-coronavirus?

Unsplash

Rappurtaġġ addizzjonali: Liz Cutajar

Dr Tanya Melillo, konsulent tal-mediċina għas-Saħħa Pubblika fi ħdan it-Taqsima tal-Prevenzjoni mill-Mard Infettiv spjegat il-ħidma tat-taqsima fil-każi kollha tal-coronavirus f’Malta.

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Melillo qalet li jċemplu u jispjegaw lil kull persuna li tkun ħadet il-virus. Jispjegaw il-proċess li se jgħaddu minnu.

Fissret li fil-bidu, peress li jkunu taħt xokk, jgħinuhom jikkalmaw ftit u mbagħad jispjegawlhom li t-tobba u l-ispeċjalisti se jieħdu ħsiebhom u jikkurawhom. “Nibqgħu nkellmuhom kuljum, anke t-tobba”, qalet Dr Melillo filwaqt li spjegat li anke meta l-pazjent ikun id-dar jiġi segwit.

Minn naħa tiegħu, Dr Charles Mallia Azzopardi, li jieħu ħsieb il-proċeduri marbuta mal-coronavirus fi ħdan l-istess taqsima, qal li hemm pazjenti tal-Covid-19 li jkunu jeħtieġu trattament għax l-infezzjonijiet tkun niżlet fil-pulmun – ikun irid jiġi assigurat li l-ossiġnu fis-sistema jibqa’ tajjeb u jingħataw mediċini speċifiċi kontra l-covid.  Il-maġġoranza tal-pazjenti ma jkollhom bżonn l-ebda kura.

Dr Mallia Azzopardi saħaq li biex ikunu ċerti li pazjent fieq mill-coronavirus, ikomplu jagħmlu testijiet bl-iswabs u jaċċertaw li dawn jiġu negattivi għal Covid-19.  Qed isegwu wkoll il-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) li jindikaw wara kemm żmien għandhom isiru s-swabs.

X’inhuma s-sintomi?

Fisser li s-sintomi jvarjaw, min ikollu qisu riħ u min iħossu ma jiflaħx, jitlagħlu d-deni, u għadmu u ġismu juġgħuh. Stqarr li jkun hemm min ikollu sintomi iktar serji għax il-marda tkun daħlet fil-fond: qtugħ ta’ nifs, sogħla qawwija u iktar kumplikazzjonijiet.

Appella biex min iħoss sintomi differenti jitkellem mill-ewwel, speċjalment dawk li jaħdmu fl-isptarijiet u fid-djar tal-anzjani.  Fisser li l-Covid-19 ma jikkawżax problemi kbar ta’ saħħa, imma dawk vulnerabbli u li jkollhom problemi mediċi oħra jistgħu jiżviluppaw kumplikazzjonijiet.

Kif isir il-contact tracing?

Dr Tanya Melillo semmiet ukoll li għal kull każ jagħmlu l-contact tracing – jiġifieri jsibu lil dawk kollha li jkunu għamlu kuntatt mal-persuna minn meta kellha s-sintomi. Lil dawn in-nies jispjegawlhom li jridu joqogħdu kwarantina, għax jista’ jkun li jkollhom is-sintomi u għaldaqstant ikollhom il-marda.

Kemm hu f’saħħtu l-Covid-19?

Dejjem jgħix jumejn. Meta tkun is-sħana, l-inqas li jdum ħaj. “Qed nistennew is-sajf bil-ħerqa għax mhux se jgħix żgur bix-xemx sħuna tagħna”, żiedet tgħid Dr Melillo.

Resqin lejn xi forma ta’ vaċċin?

Dr Tanya Melillo spjegat li hemm ħafna clinical trials li qed isiru taħt sorveljanza riġida ħafna. Fissret li dan hu proċess li jdum. “Trid l-ewwel tara li hu safe mbagħad trid tippruvah fuq il-bnedmin u tara jekk ikunx hemm konsegwenzi. Ma nafux meta se jkollna vaċċin jew mediċina, għadu kmieni wisq”, kompliet tispjega.  Malta mhix tieħu sehem f’dawn il-clinical trials.

Minn naħa tiegħu, Dr Charles Mallia Azzopardi fisser li l-proċess biex isir vaċċin hu kkumplikat ħafna. Insista li għalkemm nisimgħu li dan hu fil-qrib, fi ftit ġimgħat oħra, ma jidhirx li se jkun disponibbli qabel erba’ jew sitt xhur oħra.

Jista’ jerġa’ jkun magħna s-sena d-dieħla f’xi varjant ieħor?

Il-konsulent Melillo spjegat li ħadd ma jaf x’sejagħmel il-virus u li probabbli sax-xitwa li jmiss ikun hawn xi tip ta’ vaċċin jew mediċina u b’hekk wieħed ikun jista’ jilqa’ għalih. Kompliet tgħid li “jekk imbagħad jinbidel totalment u l-vaċċin li jkun tħejja ma jaħdimx, nistgħu nsibu ruħna fl-istess ilma. Imma ejja nkunu pożittivi u nittamaw li tgħaddi din il-burraxka u jkollna l-immunità”.