Ritratti: Minn welder għal Isqof ta’ Għawdex

Read in English.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat minn sorsi differenti li Dun Anton Teuma, id-delegat tal-Isqof għall-familja fid-Djoċesi ta’ Għawdex se jkun l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex. L-aħbar ingħatatl-Erbgħa f’nofsinhar fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.

Dalgħodu l-isem kien qed jissemma anke fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex. Il-qassisin intalbu jmorru Ta’ Pinu biex jilqgħu lill-isqof il-ġdid.

Teuma, li għandu 56 sena u huwa mill-parroċċa tax-Xagħra, se jkun is-suċċessur ta’ Mons. Mario Grech, li fix-xhur li ġejjin se jkun qed jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Pro Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

Fil-Quddiesa li jqaddes ta’ kuljum fl-Istitut tal-Familja fir-Rabat, Għawdex, dalgħodu Dun Anton talab biex dak li nagħmlu nagħmluh biex inħobbu. Huwa qal li l-bnedmin huma magħmulin biex jaħsbu fihom infushom u b’mod egoistiku iżda fakkar li l-isfida għal kull Nisrani huwa li jagħti minn dak li għandu b’mod gratwit.

Min hu l-Isqof il-ġdid?

  • Waqt il-formazzjoni saċerdotali ħadem bħala welder u electrician fl-Awstralja. Kiseb il-liċenzja taż-żewġ snajja’.
  • Ġie ordnat saċerdot f’Ġunju tal-1988 mill-Isqof Nikol Cauchi
  • Intbagħat Ruma fejn beda l-missjoni tiegħu bħala Vigarju Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antijokja.
  • Fl-1997 issejjaħ lura f’Għawdex mill-Isqof Cauchi. Inħatar Rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, kariga li dam jokkupa 10 snin, sal-2007.
  • Mis-sena 1998 sas-sena 2016, kien responsabbli u assistent spiritwali tal-Komunitajiet Ewkaristiċi fid-djoċesi.
  • Minn Settembru 2007 sa Ġunju 2008 għamel sena sabbatika fl-Art Imqaddsa. Kiseb Diploma fil-Formazzjoni Bibblika minn Istitut f’Ġerusalemm.
  • Fl-2016 kiseb Baċellerat fix-Xjenzi tal-Formazzjoni. Fl-2018 kiseb Diploma Post-Graduate fil-Psikoterapija tal-Familja. Kompla wkoll il-Masters.

Bħalissa, l-Isqof nominat, huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni, responsabbli mill-kura pastorali taż-żona madwar l-Istitut, kif ukoll għalliem fis-Seminarju Maġġuri. Parti kbira mill-ħidma ta’ Dun Anton hi marbuta mat-tħejjija tal-korsijiet tal-għarajjes u counselling għall-familji f’diffikultà.

Dun Anton Teuma jħobb l-isport u x-xogħol manwali.