Minn wara l-kwinti ta’ sensiliet ta’ drama popolari

Għax-xhur tas-sajf l-istazzjon Net se jkun qed jerġa’ jfakkar uħud mill-aqwa sensiliet ta’ drama li xxandru tul is-snin fuq l-istazzjon tiegħu.

Għalhekk minn għada t-Tlieta Stephanie Chircop se tibda tippreżenta programm ġdid bl-isem ta’ Teleserje u matul is-sensiela se titratta serje ta’ drama differenti.

L-ewwel programm li jixxandar għada se jitratta s-sensiela Anġli li taf il-bidu tagħha fuq dan l-istazzjon u kellha bħala protagonisti lil John Montanaro, Mikhail Basmidjian, Carlos Debattista, Antonella Vassallo, Ġemma Portelli u Josephine Fuller fost ħafna oħrajn.

Din is-sensiela wara nħadmilha film għaċ-ċinema u kompliet ukoll għal staġun fuq TVM bl-isem ta’ Anġli: Kapitlu Ġdid.

Matul l-ewwel programm se jkunu qed jitkellmu John Montanaro, Mikhail Basmidjian u Carlos Debattista hekk kif iġeddu l-memorji ta’ bosta snin ilu.

Teleserje se jkun qed jixxandar fuq Net nhar ta’ Tlieta fid-21.00 u fil-ġimgħat ta’ wara se jitratta aktar sensiliet ta’ drama, fosthom Fenomeni li kienet l-ewwel drama ta’ kull ġimgħa li dan l-istazzjon kellu.

L-ewwel staġun kellu kitba ta’ Joseph A Cachia u matul it-tieni programm se jkunu Marica Mizzi, Fabian Mizzi u Ray Attard li se jitkellmu dwar dak li kien iseħħ minn wara ‘l kwinti ta’ din is-serje li damet għaddejja sentejn.