“Minn vending machine għal restorant”; l-NAO ma tifhimx

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ma setax jifhem kif minkejja li kien hemm pjanijiet li l-provvista tal-ikel fid-Dingli Interpretation Centre tkun limitata għal ikel u xorb mill-magni, l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tat il-permess għall-iżvilupp li jawtorizza restorant bħala faċilità maċ-ċentru.

Ir-rapport tpoġġa fuq il-mejda fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija.

Fi stqarrija mibgħuta mill-NAO intqal li ċ-Ċerpersin tad-Development Control Commission (DCC) fi ħdan il-MEPA qalet li s-sitwazzjoni seħħet bi żvista.

Għaldaqstant l-NAO insisitiet li din hija prova tal-prattiki dgħajfa tax-xogħol kif ukoll nuqqas ta’ ċareza u komunikazzjoni interna.

L-NAO bdiet din l-investigazzjoni wara li fis-27 ta’ Jannar tal-2016 irċeviet allegazzjonijiet ta’ kolużjoni u ta’ użu abbużiv ta’ informazzjoni privileġġjata minn uffiċjali pubbliċi. Dan wara li parti minn art pubblika f’Tal-Veċċa, li taqa’ bħala sit ta’ Natura 2000, ġiet dovuta lill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli għall-fini ta’ ċentru interpretattiv u qed tintuża bħala restorant.

L-allegazzjonijiet prinċipali implikaw li s-sindku ta’ Ħad-Dingli bejn l-2005 u l-2013 kellu interess personali f’dan il-proġett u li fondi Ewropej intużaw b’mod ħażin. L-ittra rreferiet ukoll għal nuqqasijiet min istituzzjonijiet tal-gvern li kienu involuti f’dan il-proġett.

Madanakollu, l-investigazzjoni ma sabitx evidenza li tikkorrabora l-allegazzjonijiet. Ir-rapport jispjega li l-investigazzjoni lanqas ma sabet evidenza li turi li s-sindku ta’ Ħad-Dingli ta’ dak iż-żmien kellu interess personali f’dan in-negozju u l-possibiltà li kien jirċievi pagamenti ta’ €2,000 fix-xahar kif kien allegat.

L-investigazzjoni nnutat li hemm numru ta’ nuqqasijiet amminsitrattivi li saħansitra ħallew tħassib dwar kemm kienu sfruttati opportunitajiet li jirriflettu aħjar il-valur għall-flus. Dan jirreferi għall-kirja annwali ta’ Lm20 (€46.60) u r-renta assoċjata mad-devoluzzjoni ta’ Lm100 (€233) fejn dawn iż-żewġ ammonti huma ferm inqas mill-prezzijiet tas-suq.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli jilqa’ r-rapport

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli laqa’ l-konklużjonijiet tar-rapport tal-NAO.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali qal li r-rapport jikkonferma li ma kien hemm l-eda irregolarità jew ħażen mill-uffiċjali preżenti jew passati tal-istess kunsill fl-iżvilupp u l-operat taċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni u proġetti oħra marbuta miegħu.

Fi kliem il-Kunsill, “l-investigazzjoni xxejjen l-allegazzjonijiet li saru minn individwi li qed jippruvaw iħammġu dan l-iżvilupp importanti, investiment li għal dawn l-aħħar snin offra lill-pubbliku opportunità unika sabiex jiskopri, jgawdi u japprezza l-wirt naturali, kulturali u arkeoloġiku mill-isbaħ ta’ din il-lokalità.”