Minn tbassir ta’ 50,000 qgħad għall-ewwel ekonomija li se toħroġ mir-riċessjoni – Schembri

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-Gvern għamel suċċess fil-qasam ekonomiku fl-eqqel tal-pandemija, fejn telaq minn rapport ekonomiku tal-Imsieħba Soċjali li kien qed ibassar qgħad ta’ 50,000 persuna biex b’ħidma sfieqa l-qgħad niżel fl-inqas livell tal-Unjoni Ewropea u hu n-nofs ta’ dak li kien fl-2012.

Fil-Parlament, il-Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-aġenzji ta’ kreditu kollha huma tal-istess fehma li Malta se tirkupra l-ewwel mill-pandemija u mis-sena d-dieħla se tesperjenza wkoll tkabbir.

Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu dwar l-estimi tal-Ministeru tiegħu, Schembri qal li f’sena diffiċli, l-investiment diġà qabeż dak tas-sena li għaddiet. “S’Ottubru din is-sena, diġà qbiżna l-investiment li kien ġie s-sena li għaddiet, li fiha nnifisha kienet waħda straordinarja”.

Il-Ministru ħabbar diversi inizjattivi li l-Gvern ħa biex iħeġġeġ l-investiment fosthom ftehim ma’ għaqdiet sportivi biex il-kumpaniji li qed jiżviluppaw id-drones jużaw il-faċilitajiet sportivi għall-ittestjar.

“Semmejt l-industrija tad-drones, kien hemm min iddieħak bina. Madwar id-dinja qed jinħoloq suq kbir tad-drones,” saħaq.

Huwa semma wkoll il-crafts village f’Ta’ Qali fejn ħabbar li se jinħareġ tender biex jitħaffu x-xogħlijiet pendenti filwaqt li saħaq li l-industrija tal-kannabis għandha futur f’Malta, minkejja li l-operat tagħha ħa daqqa bil-pandemija.

Id-deputat Laburista Miriam Dalli qalet din is-sena l-Gvern diġà rnexxielu jattira 35 kumpanija ġdida kontra t-32 tas-sena li għaddiet. Hija qalet li skont stħarriġ li sar fi żmien il-Covid-19, il-prattiċi ambjentali għandhom jingħataw prijorità.

Id-deputat Laburista Clyde Caruana stqarr li bħalissa l-Prodott Domestiku Gross fid-dinja hu ta’ 5% u mqabbel mal-kriżi finanzjarja tal-2009, l-impatt kien 50 darba iktar. Huwa qal li Malta żammet il-kolp imqabbla mal-pajjiżi ġirien tagħha fosthom l-Italja li qed tipproġetta defiċit ta’ 110% tal-GDP tagħha.