​Minn reġina tas-sbuħija għal soru

Minn reġina tas-sbuħija għal soru. Din hija l-istorja ta’ Esmeralda Solís Gonzáles, Messikana ta’ 20 sena li s-sena l-oħra rebħet konkors tas-sbuħija.
Fuq il-midja soċjali, l-istorja tagħha infirxet malajr fejn is-soru qalet li ħadd ma jista’ jifhem x’fiha l-ħajja reliġjuża sakemm ma jkunx fiha.
Hija ħalliet il-karriera tagħha bħala nutritionist u stqarret li kienet kuntenta b’dak kollu li kellha, imma ma tistax tqabblu mal-ferħ li Alla qiegħed f’qalbha.
L-ewwel kuntatt li kellha mal-ħajja reliġjuża kien ħames snin ilu u qalet li meta sabet il-vokazzjoni tagħha, kienet qisha “xewka żgħira” f’ħajjitha.
Is-soru Messikana spjegat kif f’kull vokazzjoni jkun hemm id-diffikultajiet, iżda kompliet tgħid li l-aktar ħaġa important hija li tafda f’Alla, li “jieħu ħsieb kollox jekk isejjaħlek”.