Minn quddiem l-Imħallef għal għand il-Maġistrat minħabba droga

Żagħżugħ minn Ħal Qormi li jinsab akkużat dwar traffikar tad-droga, ngħata ċans ieħor wara li l-Imħallef iddeċieda li jingħata s-sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati, fejn jista’ jaffaċċja massimu ta’ 10 snin priġunerija, minflok sentenza ta’ għomor ħabs.
Il-każ imur lura għal Frar tal-2010 meta ż-żagħżugħ flimkien ma’ tlieta oħra, ġew akkużati li kienu qed jippjanaw li jitraffikaw 5 kilogrammi kannabis.  Dakinhar, iż-żagħżugħ kien se jieħu €100 biex iwassal id-droga minn post għall-ieħor. L-Avukat Ġenerali ried li ż-żagħżugħ jidher quddiem l-Imħallef u mhux quddiem Maġistrat.
Madanakollu, wara li fl-appell, id-difiża ressqet l-argument li l-involviment tal-akkużat kien minimu, l-Imħallef Antonio Mizzi qabel u għadda l-każ f’idejn il-Qorti tal-Maġistrati.