Minn professur sa pensjonant – il-Covid li s’issa ħasdet ħajjet 200 ruħ

Read in English.

Matul l-2020, il-pandemija tal-coronavirus infirxet madwar id-dinja kollha fi ftit xhur. Fil-gżejjer Maltin din ma kinitx eċċezzjoni u fis-7 ta’ Marzu tħabbar l-ewwel każ ta’ coronavirus fil-Gżejjer Maltin. Din il-pandemija ġabet magħha diversi sfidi lokali kif ukoll internazzjonali fosthom nuqqas ta’ xogħol, inċertezzi ekonomiċi, sfidi ta’ saħħa fiżika u mentali kif ukoll imwiet.

S’issa fil-gżejjer Maltin tilfu ħajjithom 201 persuna minħabba l-virus tal-Covid-19. L-ewwel persuna li tilfet ħajjitha kienet Ġorġa Zammit li l-mewt tagħha kienet tħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fit-8 ta’ April. Zammit mietet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-età ta’ 92 sena.

Is-sitt vittma ta’ din il-pandemija kien il-Professur Aaron Casha li miet fl-età ta’ 53 sena. Huwa kien tabib u lekċerer fl-Università ta’ Malta. Fi stqarrija kien ġie spjegat li t-tabib kellu għadd ta’ kundizzjonijiet kroniċi oħra apparti l-virus. Huwa kien konsulent fl-Isptar Mater Dei.

Il-Prof. Aaron Casha ma kienx l-unika tabib li safa’ vittma tal-coronavirus. Dr Lawrence Fenech li kien tabib tal-familja mill-aktar stmat f’Ħaż-Żabbar u l-madwar. Huwa miet fil-5 ta’ Settembru u kien l-14-il vittma tal-Covid-19, fl-età ta’ 85 sena.

Minn total ta’ 201 persuna li sfaw vittmi ta’ din il-pandemija 136 kienu rġiel filwaqt li 65 kienu nisa.

L-età tal-persuni li kienu vittmi tal coronavirus f’Malta tvarja minn 46 sena għal 99 sena. Żewġ persuni mietu fl-eta ta’ 99 sena u l-iżgħar persuna kellha 46 sena. Il-mewt ta’ din il-persuna ħasdet lil bosta kemm minħabba li miet f’età żgħira kif ukoll minħabba li kien is-Sindku ta’ Ħal Qormi. Is-Sindku Renald Falzon dam madwar erba’ ġimgħat jikkumbatti dan il-virus. Huwa kien irriżulta pożittiv fl-10 t’Ottubru u miet fit-13 ta’ Novembru. Bosta kienu dawk li wrew is-sogħba tagħhom pubblikament hekk kif tħabbret il-mewt tiegħu.

189 vittma f’erba’ xhur

Fl-aħħar tliet xhur rajna żieda ta’ persuni li mietu minħabba l-virus tal-Covid-19. Fl-aħħar erba’ xhur it-total ta’ mwiet kien ta’ 189 persuna. Dan ifisser li fl-aħħar erbgħa xhur, fl-hekk imsejħa t-tieni mewġa, mietu ħmistax-il darba aktar nies milli mietu fl-ewwel mewġa. L-iktar xahar li ġew irrapurtati każijiet ta’ mwiet minħabba l-Covid-19 kien Novembru b’total ta’ 78 persuna. Sal-lum it-total ta’ mwiet fix-xahar ta’ Diċembru huwa ta’ 60 persuna.

Kważi 80% mietu l-isptar Mater Dei

Kważi erbgħa minn kull ħamest imwiet, 79.6%, tal-persuni li jissarrfu f’160 persuna, li mietu bil-Covid-19, mietu l-isptar Mater Dei filwaqt li 13 mietu fl-Isptar Good Samaritan. Fost dawn il-201 persuna li mietu fl-aħħar xhur persuna waħda ma tħabbarx il-post fejn mietet.

Żewġ persuni mhux inklużi ma’ dawn l-imwiet

Għalkemm it-total ta’ mwiet b’mod uffiċjali huwa ta’ 201 persuna. Żewġ persuni li mietu bil-Covid-19 baqgħu mhux inklużi.

Fl-ewwel każ li jmur lura għall-25 ta’ Settembru fejn l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru mal-ġurnata ħareġ erba’ stqarrijiet li fihom ħabbar erba’ mwiet ġodda. It-total ta’ mwiet sa dak iż-żmien kien ta’ 31 madankollu fl-infografika li ppubblika l-ġurnata ta’ wara jiġifieri fis-26 ta’ Settembru minflok it-total ta’ mwiet kien 32 minħabba li fis-26 ta’ Settembru tħabbar li mietet persuna oħra kien 31.

OFFICIAL COVID-19 figures for 25•09•2020Chris Fearne | MaltaGov |Health Promotion and Disease Prevention Directorate

Posted by saħħa on Friday, September 25, 2020

OFFICIAL COVID-19 figures for 26•09•2020Chris Fearne | MaltaGov |Health Promotion and Disease Prevention Directorate

Posted by saħħa on Saturday, September 26, 2020

Fit-tieni każ, seħħ fid-29 ta’ Ottubru. Dakinhar il-Ġiżwiti f’Malta ħabbru l-mewt ta’ Fr Lino Cardona. F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook huma kienu spjegaw li Fr Cardona kien pożittiv għall-Covid-19 fis-26 ta’ Ottubru u ttieħed l-isptar Mater Dei. Dan il-każ baqa’ qatt ma ġie rrapurtat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u għalhekk mhux inkluż mat-total ta’ vittmi bil-Covid-19. Jekk wieħed jgħodd it-total ta’ persuni n-numru ta’ vittmi jitla għal 203.