Filmat: Minn nhar it-Tnejn tista’ tieħu l-vaċċin tal-influwenza

Read in English.

Minn nhar it-Tnejn 14 t’Ottubru persuni vulnerabbli jistgħu jibdew jieħdu l-vaċċin tal-influwenza mingħajr ħlas. Persuni vulnerabbli jinkludu tfal taħt il-ħames snin, adulti ‘l fuq minn 55 sena, persuni li jbatu minn mard kroniku u persuni li jaħdmu ġo instituzzjonijiet magħluqa. Mit-Tnejn 21 t’Ottubru dan il-vaċċin se jibda jingħata lil kulħadd mingħajr ħlas.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tas-Saħħa Chirs Fearne qal li hemm ordnati mitt elf vaċċin u li se jiġu jiswew madwar nofs miljun ewro. Il-Ministru qal li din is-sena it-tip ta’ vaċċin li se jingħata jinkludi erba’ tipi ta’ influwenza minflok tlieta.

Il-Ministru Fearne spjega li il-marda tal-influwenza tingħata prijorità minħabba l-effett li tista’ tħalli fuq is-soċjetà. Semma li huwa kkalkulat li bejn 5% u 15% tal-popolazzjoni tintlaqat minn din il-marda fid-dinja. Huwa stmat li fid-dinja jmutu madwar 300,000 persuna wara li tkun ħakmithom l-influwenza.

Bejn Ottubru 2018 u Mejju 2019, 9,690 pazjent ġew eżaminati għas-sistema respiratorja. Minnhom kien hemm 642 li rriżultaw li kienu qed ibati mill-influwenza tat-tip A H1N1; 448 mill-influwenza H3 u 3 mill-influwenza B.

Il-Professur Gauci qalet li l-virus tal-influwenza dejjem jinbidel. Hija spjegat li minn studji li saru f’pajjiżi oħra rriżulta li dan il-vaċċin se jkun qed ikopri l-aktar influwenizi komuni. Hija appellat biex anke persuni li qed jistennew tarbija jieħdu dan il-vaċċin sabiex il-persuna u anke t-tarbija jkunu protetti. Hija żiedet li t-trabi jistgħu jingħataw dan il-vaċċin direttament wara li jgħalqu sitt xhur.