Jitwaqqfu l-funzjonijiet reliġjużi kollha b’effett immedjat

knisja.mt/ritratti

Read in English.

Il-funzjonijiet reliġjużi se jitwaqqfu b’effett immedjat, skont l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed iwaqqfu l-funzjonijiet reliġjużi kollha, inkluż il-quddies ta’ kuljum u ta’ nhar ta’ Ħadd. Il-katekeżi tat-tfal se titwaqqaf ukoll.

“Għalhekk, l-Isqfijiet qegħdin jagħtu lill-Insara dispensa mill-obbligu tal-Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Din il-miżura ta’ prekawzjoni tidħol fis-seħħ b’effett immedjat u qed tittieħed għall-ġid komuni u biex jiġu mħarsa b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli,” qalet l-Arċidjoċesi.

Il-knejjes se jkunu miftuħin fil-ħinijiet tas-soltu għal mumenti ta’ talb privat.

Il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret li se tibda xandiriet regolari biex l-insara kollha jkunu jistgħu jingħaqdu fit-talb u jevitaw li joħorġu minn djarhom skont il-pariri mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fi stqarrija, il-Kurja ħabbret li dawn ix-xandiriet se jsiru mill-Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana, u se jixxandru fuq Newsbook.com.mt, il-websajt uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt u fuq TVM2.

Għada, il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu f’nofsinhar, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi t-talba tar-Rużarju quddiem Ġesù Sagramentat.

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minn nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu, se tixxandar Quddiesa fid-9:30am u rużarju quddiem Ġesù Ewkaristija fil-5.30 pm.

Il-Kurja sostniet li t-talb se jkun offrut b’mod speċjali għal dawk kollha milquta mill-coronavirus u għal dawk li qegħdin joffru s-servizzi tagħhom u jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa.  Il-Knisja tħeġġeġ ukoll biex il-familji jitolbu t-talba tar-Rużarju.

X’jiġri f’każ ta’ funeral?

F’każ ta’ funeral, is-saċerdot se jmexxi r-rit tat-tberik tal-fdalijiet fiċ-ċimiterju, peress li dan huwa post fil-miftuħ, fil-preżenza tal-qraba l-aktar stretti. Is-saċerdot imbagħad, fil-privat, joffri Quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-mejjet.

L-Isqfijiet qed iħeġġu għat-talb u jistiednu lill-Insara biex il-familji jitolbu t-talba tar-Rużarju.

Dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor.

Tista’ taqra l-istqarrija tal-Isqfijiet minn hawn:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn