Minn nhar it-Tnejn Mater Dei se jaċċetta l-viżitaturi

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Isptar Mater Dei se jerġa’ jibda jaċċetta viżitaturi għal siegħa waħda kuljum wara li ilu għal dawn l-aħħar xahrejn magħluq għall-viżitaturi.

Dan tħabbar f’messaġġ fuq Facebook fejn l-isptar ippubblika l-miżuri ta’ prekawzjoni li wieħed irid iżomm magħhom meta jmur iżur xi pazjent. Il-ħinijiet se jkunu bejn il-5pm u s-6pm.

Fost il-miżuri hemm li kull pazjent jista’ jkollu sa viżitatur wieħed fl-istess ħin u li l-viżitaturi jrid ikollhom maskra jew visor. L-Isptar ħeġġeġ ukoll għall-prattiċi tal-iġene tal-idejn bl-użu ta’ sanitizers li jinsabu madwar l-isptar kif ukoll wissa’ biex jekk wieħed ikun marid ma jżurx lill-maħbubin tiegħu fl-isptar.

L-Isptar Mater Dei waqqaf il-viżitaturi milli jżuru lill-morda f’dan l-isptar fid-9 ta’ April. Il-miżura kienet deskritta bħala temporanja u ma kinitx tapplika għal dawk li jżuru lit-tfal jew “f’sitwazzjonijiet oħra straordinarji”.

Din l-aħbar ġiet ikkomunikata fl-istess jum li fih id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li mietet l-ewwel pazjenta bil-coronavirus li kienet rikoverata fir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.