“Minn nhar it-Tnejn il-Ministri kollha se jkunu bla xogħol” – Farrugia Portelli

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanzi, Julia Farrugia Portelli spjegat li “fil-verità, minn nhar it-Tnejn, kull Ministru se jkun bla xogħol”.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Farrugia Portelli spjegat li skont ir-regoli, il-karigi tagħha u tal-kollegi tagħha fil-Gvern, il-karigi tagħhom jintemmu nhar it-Tnejn mar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Dan il-kliem ta’ Farrugia Portelli ġie wara li spjegat li għax hi għażlet l-għaqda minflok il-firda, kien hemm ftit li ppruvaw iweġġgħu lill-istaff tagħha, fejn fost l-oħrajn qalulhom li minn nhar it-Tnejn se jispiċċaw bla xogħol.

Fil-messaġġ tagħha, Farrugia Portelli awgurat lill-kandidati għal mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne u Robert Abela. Qalet li hi qed tawgura lit-tnejn li huma, għax it-tnejn huma “tfal tal-partit”. Qalet li hi temmen fl-għaqda għax dejjem kienet qrib Muscat, u hu hekk għallimha.

Hi kompliet billi tgħid li l-intimidazzjoni fuq l-istaff tagħha ma ġietx la minn Fearne u lanqas minn Abela b’mod dirett. Irrimarkat li hi dejjem ħadmet b’mod eċċellenti mat-tnejn li huma.

Kmieni dalgħodu, Farrugia Portelli marret titfa’ l-vot tagħha fir-Rabat.

Nawgura minn qalbi lil Chris Fearne u lil Robert Abela u nawguralhom it-tnejn ghax huma t-tnejn tfal tal-partit. Jien…

Posted by Julia Farrugia Portelli on Saturday, January 11, 2020