Minn miżbla illegali għal park wara investigazzjoni ta’ Newsbook

Parti mdaqqsa minn Ta’ Qali li kienet is-suġġett ta’ għadd ta’ stejjer investigattivi esklussivi minn Newsbook.com.mt issa se tiġi żviluppata bħala parti minn park b’investiment ta’ €20 miljun u b’kobor ta’ 450,000 metru kwadru.

Newsbook.com.mt kien kixef illi trakkijiet ta’ kuntratturi Maltin kienu qegħdin jarmu tunnellati sħaħ ta’ skart tal-kostruzzjoni qrib il-fabbrika abbandunata Southern Concrete Ltd. L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tar-Riżorsi kienu ħadu passi iżda l-Pulizija, minkejja li kienu fuq il-post meta kien qed isir ir-rimi illegali ma tellgħu lil ħadd il-Qorti.

Il-Ġimgħa l-Prim Ministru akkumpanjat minn għadd ta’ ministri u segretarji parlamentari marru Ta’ Qali biex iħabbru li din l-art fejn kien isir rimi illegali, issa se tkun parti minn dan il-park. Huma kkonfermaw illi wara r-rapport ta’ Newsbook, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tar-Riżorsi ħadu passi.

AQRA: Ritratti: Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-PA taġixxi; il-Pulizija le

AQRA:  Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-Pulizija qed jaħbu?

AQRA:  “Fejn sejjer?” – pulizija twaqqaf sewwieq f’Ta’ Qali

“L-art tingħata lura lill-poplu”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius l-Ġimgħa kkonferma li wara diversi rapporti ta’ rimi ta’ skart illegali l-Awtorità tal-Ippjanar minnufih interveniet.

“Bis-saħħa ta’ dan l-intervent f’waqtu, din iż-żona tad-daqs ta’ 50,000 metru kwadru, issa qed tingħata lura lill-poplu u se tkun qed titgawda mill-pubbliku ġenerali,” ikkummenta s-Segretarju Parlamentari Agius.

DOI – Jason Borg

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li dan l-investiment huwa turija fil-prattika tal-impenn tal-Gvern li jagħti lill-familji spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew minnhom ilkoll.

Dr Muscat stqarr li dan l-investiment fi spazju miftuħ huwa l-ikbar wieħed minn tal-inqas f’ġenerazzjoni u saħaq li huwa tajjeb li filwaqt li l-pajjiż jikseb riżultati ekonomiċi, huwa wkoll importanti li jsiru investimenti ta’ dan it-tip biex propju jiġu indukrati l-familji, b’titjib fil-kwalità tal-ħajja.

Il-Prim Ministru spjega li dan il-proġett beda meta l-gvern ra l-potenzjal ta’ żona li qabel kienet użata bħala fabbrika u li sfortunatament kienet il-lok ta’ ħafna abbużi, u minflok taha sabiex jinħoloq spazju industrijali ieħor, iddeċieda li jagħtiha lill-pubbliku sabiex tingħaqad mal-kumplament tal-ispazju miftuħ li jeżisti diġà f’Ta’ Qali.

X’kien kixef Newsbook.com.mt

Kien f’Diċembru 2018 li Newsbook.com.mt f’rapport investigattiv kixef li trakkijiet u gafef kienu qed jidħlu fis-satra tal-lejl f’Ta’ Qali u jarmu tunellati sħaħ ta’ skart tal-kostruzzjoni. Ġurnalisti ta’ Newsbook.com.mt kienu Ta’ Qali fil-lejl tas-16 ta’ Novembru f’xi l-10pm meta tliet trakkijiet kbar, gaffa u vann daħlu f’Ta’ Qali minn naħa tal-istejġ tal-karozzi tal-linja Venture.

It-trakkijiet bdew jarmu l-iskart u l-gaffa bdiet tillivellah ħdejn il-fabbrika abbandunata Southern Concrete Ltd. Daħlu żewġ trakkijiet oħra minn naħa tar-roundabout tal-Infetti direzzjoni tar-Rabat. Wieħed minnhom kellu l-ittri ‘FWL’.

Ftit wara l-11pm karozza tal-Pulizija waqqfet wieħed minn dawn it-trakkijiet qrib il-Mużew tal-Avjazzjoni. Wara dan l-intervent is-sewwieq ċempel lil sħabu u l-operazzjoni twaqqfet.

Din ma kinitx l-ewwel darba li sar dan ir-rimi ta’ skart tal-kosturzzjoni tant li Newsbook.com.mt kien kixef li f’Ottubru trakkijiet tal-istess ditta kien għamlu mill-anqas lejl wieħed jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni li kien qed jinġieb minn proġett li qed isir Burmarrad. Dakinhar huwa kkalkulat li kien hemm mal-40 vjaġġ u li l-operazzjoni damet sejra sa kmieni filgħodu.

L-Awtorità tal-Ippjanar, flimkien mal-Awtorità tar-Riżorsi, għalqu din iż-żona f’Diċembru. Minkejja dan, il-Pulizija ma ħadu l-ebda passi kontra l-kuntratturi li illegalment rmew tunnellati sħaħ ta’ skart tal-kostruzzjoni.

AQRA: Ritratti: Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-PA taġixxi; il-Pulizija le

AQRA: Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-Pulizija qed jaħbu?

AQRA: “Fejn sejjer?” – pulizija twaqqaf sewwieq f’Ta’ Qali