Minn missier għal Father: illum jagħlaq 67 sena, it-Tnejn isir saċerdot

Bħala saċerdot ġdid imma anzjan l-missjoni tiegħi hi waħda ta’ support.

Aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar qed tikber l-età medja ta’ min jidħol is-Seminarju biex jibda vjaġġ li jgħinu jifhem jekk is-saċerdozju hux is-sejħa tiegħu. Iżda Dun Tony Pace daħal is-seminarju ta’ 63 sena u nhar it-Tnejn se jsir saċerdot.

Seba’ snin ilu mietet il-mara tiegħu u Tony qalilna li 24 siegħa qabel ma mietet, mingħajr ma jaf kif stqarr magħha li jixtieq isir saċerdot. “Sinċerament qatt ma kont ħsibtha qabel u dak il-ħsieb f’moħħi.” B’għajnuna tal-Kappillan ta’ Ħal Safi, Dun David Farrugia, li kien għadu kif jibda l-ministeru tiegħu, beda l-proċess biex jifhem x’kienet ir-rieda ta’ Alla għalih bl-għajnuna ta’ Dun Arthur Vella SJ.

Il-ħajja tas-seminarju kienet waħda partikolari. Dun Tony, għamel preparazzjoni ta’ erba’ snin li minflok kien jgħix fis-Seminarju tal-Virtù baqa’ jgħix id-dar u kellu programm li ppermettielu anke jagħmel kors fit-teoloġija fl-Università ta’ Malta.

Dun Tony jara li l-missjoni tiegħu bħala saċerdot ġdid imma anzjan, hi waħda ta’ sapport biex kemm jista’ jgħin fejn is-superjuri tiegħu jħossu li jista’ jagħti daqqa t’id.

10 saċerdoti ġodda

Nhar it-Tnejn li ġej fis-6.30pm, flimkien ma’ disa’ oħra, se jiġi ordnat saċerdot fil-Knisja ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, mill-Arċisqof Charles Scicluna. Din iċ-ċelebrazzjoni se tixxandar fuq TVM2, Knisja.mt u Newsbook.com.mt. Ma’ Dun Tony Pace se jiġu ordnati:

  • Osmar Baldacchino mill-Parroċċa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi
  • David Borg mill-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar
  • Christopher Bugeja mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat
  • Andrew Camilleri, mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq (Moviment tal-Fokolari)
  • Jonathan Debattista mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien
  • Michael Debono, Kumpanija ta’ Ġesù (Ġiżwita)
  • Damian John Formosa, Salesjan ta’ Don Bosco
  • Jake Mamo, Salesjan ta’ Don Bosco
  • Paul Spiteri, Salesjan ta’ Don Bosco

Illejla, fit-8pm, fil-Parroċċa tal-Mosta se jsir talb għas-saċerdoti u djakni ġodda u għal aktar vokazzjonijiet.

Min hu Dun Tony?

Dun Tony li hu mill-Gudja, jgħix Ħal Safi u għandu tlett itfal u żewġ neputijiet. B’mod jew b’ieħor kien viċin tal-ħidma tal-Knisja b’diversi modi matul is-snin. Sa 24 sena kien soċju tal-MUSEUM. Għamel kors l-Università fl-Edukazzjoni u speċjalizza fl-Istorja u t-tgħalim fl-iskejjel primarji, u kien għalliem tal-Istorja fis-sekondarja u Education Officer tal-Primarja fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Iżżewweġ lil Joan u għal diversi snin flimkien kienu jmexxu l-kor Sine Macula ta’ Ħal Safi.